Liġi tal-koabitazzjoni sal-aħħar tas-sena
Il-Liġi tal-koabitazzjoni ilha tkun mwiegħda mill-1998, dak iż-żmien mill-oppożizzjoni Nazzjonalista
More in Politika
Il-Liġi tal-koabitazzjoni ilha tkun mwiegħda mill-1998, dak iż-żmien mill-oppożizzjoni Nazzjonalista
Sa tmiem din is-sena, il-gvern qed jipproġetta li tkun għaddiet mill-istadji kollha parlamentari l-liġi li tirregola l-koabitazzjoni. B’hekk pajjiżna jkun għamel pass ieħor ’il quddiem fil-qasam tal-libertajiet ċivili. Il-Liġi tal-koabitazzjoni ilha tkun mwiegħda mill-1998, dak iż-żmien mill-oppożizzjoni Nazzjonalista, u issa biss, 18-il sena wara, din qed tiġi kkunsidrata.
F’konferenza tal-aħbarijiet l-għada li fil-Parlament tressaq l-ewwel qari tal-abbozz ta’ liġi dwar il-koabitazzjoni, il-Ministru għad-Djalogu Soċjali, Affarijiet tal-Konsumatur u Libertajiet Ċivili Helena Dalli tkellmet fuq l-importanza ta’ liġi bħal din li se tindirizza relazzjonijiet ta’ familji li la huma fi żwieġ u lanqas f’unjoni ċivili.
Dalli fissret kif tul il-proċess ta’ konsultazzjoni pubblika li nfetaħ f’Marzu li għadda u li dam għaddej għal xahrejn sħaħ, il-gvern irċieva numru sostanzjali ta’ proposti u rakkomandazzjonijiet, fost l-oħrajn minn koppji nfushom li qegħdin jgħixu flimkien mingħajr ebda drittijiet legali.
Il-Ministru Dalli semmiet kif proposta ewlenija li ħarġet mill-konsultazzjoni pubblika u li l-gvern qed jinkludi f’dan l-abbozz hija dik tal-arrikkiment mhux ġustifikat (unjustified enrichment) fejn persuna li tkun ikkontribwiet biex il-persuna l-oħra tagħmel il-ġid f’forma finanzjarja tispiċċa b’xejn. Issa, permezz ta’ din il-liġi, din il-parti se tkun protetta.
Kien spjegat kif il-liġi għandha tliet livelli ewlenin:
Silvan Agius, Direttur mid-Direttorat tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Integrazzjoni qal li se tkun il-koppja nnifisha li tagħżel liema huma dawk id-drittijiet u l-obbligi li trid tidħol għalihom permezz tal-kuntratt ta’ koabitazzjoni. F’dan ir-rigward spjega kif il-liġi se tkun differenti minn dik taż-żwieġ u tal-unjoni ċivili.
Żied jgħid li l-abbozz ta’ liġi jipprovdi wkoll għal tibdil ta’ numru ta’ liġijiet oħra f’pajjiżna biex jirriflettu persuni li jkunu qegħdin f’koabitazzjoni.