45 proġett, investiment ta' €170 miljun u 800 post tax-xogħol ġdid

Il-Malta Enterprise approvat 45 proġett li mistennija joħolqu 800 impjieg ġdid...

Il-Ministru għall-Ekonomija, Investiment u Intrapriżi Żgħar Chris Cardona waqt żjara lill-kumpanija Trelleborg Sealing Solutions
Il-Ministru għall-Ekonomija, Investiment u Intrapriżi Żgħar Chris Cardona waqt żjara lill-kumpanija Trelleborg Sealing Solutions

Fl-ewwel għaxar xhur tas-sena, jiġifieri bejn Jannar u Settembru tal-2016, il-korporazzjoni Malta Enterprise approvat 45 proġett b’investiment kapitali li jlaħħaq il- €170 miljun, bil-prospett li joħolqu aktar minn 800 post tax-xogħol ġdid. Dan ħabbru l-Ministru għall-Ekonomija, Investiment u Intrapriżi Żgħar Chris Cardona waqt żjara lill-kumpanija Trelleborg Sealing Solutions.

Il-kumpanija Trelleborg aktar kmieni din is-sena għalqet 55 sena topera f’pajjiżna, u llum timpjega fuq 500 ruħ. F’dawn is-snin kollha din il-kumpanija għarfet tibqa’ relevanti fis-suq billi taġġorna t-teknoloġija tagħha, u f’dawn l-aħħar ftit snin investiet ‘il fuq minn 15-il miljun fil-makkinarju tagħha. 

“Din hija kumpanija li għandha sservi mhux biss ta’ mudell għal oħrajn, imma anke għall-Gvern. Filfatt din hija l-istrateġija tagħna bħala Gvern, dik li kontinwament ngħarfu nimmassimiżaw il-potenzjal tagħna, bl-aqwa riżors jibqgħu l-ħaddiema,” qal il-Ministru Cardona. 

Il-Gvern huwa kommess li jibqa’ jaħdem u joħloq opportunitajiet ġodda għall-ħaddiem Malti u Għawdxi. F’dawn l-għaxar xhur biss ġew mħabbra 4 proġetti ġodda, b’investiment dirett barrani, inkluż il-proġett riċenti ta’ Crane Currency, 10 proġetti ta’ espanzjoni minn kumpaniji barranin li kienu diġà Malta, 4 proġetti lokali, u 27 proġett ta’ espansjoni minn kumpaniji lokali.

Dawn huma r-riżultat ta’ ħidma konġunta bejn il-Gvern u l-Malta Enterprise, li kienet pro-attiva u kreattiva bl-iskemi ta’ għajnuna offruti.

F’dawn l-aħħar 10 xhur, Malta Enterprise varat sensiela sħiħa ta’ skemi ta’ assistenza li ġew imħabbra fil-Budget 2016. L-iskema BSTART approvat mal-miljun ewro f’assistenza għan-negożji ġodda. Tnediet ukoll skema intiża li tinkkoraġixxi aktar nisa fl-intraprenditorija, kif ukoll skema għal sussidju fuq il-kirjiet, u oħrajn li għadhom għaddejjin s’issa bħal Training Assistance – Knowledge Transfer u Tax Credits for Energy Efficiency projects.

Skemi eżistenti ġew imsaħħa b’tali mod li jsiru aktar attraenti għan-negozji tagħna, bħal Micro Invest, li fl-ewwel 10 xhur tas-sena daħlu mal-1400 applikazzjoni għal kreditu ta’ taxxa li jlaħħaq id-9.5 miljun ewro. Daqstant ieħor popolari kienet l-iskema Get Qualified, fejn daħlu mal-1,120 applikazzjoni għal kreditu ta’ taxxa li jlaħħaq mas-7 miljun ewro.

Il-Gvern minn dejjem għaraf kemm il-burokrazija żejda xxekkel in-negozju, u l-Ministru ħabbar kif f’ħidma konġunta ma’ bosta entitajiet, se jkun qiegħed jitneħħa l-obbligu li negozju jottjeni ‘trading license’ se titneħħa mingħand id-Dipartiment tal-Kummerċ.

Din hija miżura li mistenijja taffettwa madwar 30,000 negozju, il-biċċa l-kbira minnhom SMEs, u se jiffrankaw bejn €70 u €1,000 fi spejjeż annwali. Din il-miżura, flimkien mal-iniżjattiva li integrat il-formolarji rispettivi f’formolarju elettroniku wieħed, se tgħin ukoll biex il-perjodu neċessarju sabiex jiġi stabbilit negozju jonqos drastikament. Din se tkompli isaħħaħ l-pożizzjoni tagħna f’dik li hi klassifikazzjoni internazzjonali dwar il-kompettività.

Il-Ministru Cardona qal li permezz tal-Budget li se jkun ippreżentat nhar it-Tnejn, se jkompli jissaħħaħ l-portafol ta’ skemi ta’ assistenza offruti mill-Malta Enterprise, fosthom skemi li għandhom jgħinu biex jindirizzaw in-nuqqas ta’ ħiliet fost il-ħaddiema tagħna, kif ukoll skemi oħra ntiżi għal diversi setturi, fosthom ir-ristoranti.

“Għaldaqstant, għandna nħarsu ‘l quddiem lejn il-Budget 2017, għaliex se jkun eżerċizzju ieħor li se jkompli jagħtina l-għodda biex nassistu lil intrapriża lokali u nsaħħu din il-klima fejn kemm investituri barranin, kif ukoll Maltin qed iħossuhom komdi jkomplu jinvestu,” temm jgħid il-Ministru Cardona.

More in Politika