Il-bżonn ta' aktar għarfien u riċerka dwar l-awtiżmu
Tiftaħ dalgħodu konferenza għall-għarfien dwar l-awtiżmu
More in Politika
Tiftaħ dalgħodu konferenza għall-għarfien dwar l-awtiżmu
"Aktar għarfien u riċerka huma l-aħjar għodod li jgħinu lil kull min jieħu ħsieb persuni fil-firxa tal-awtiżmu."
Hekk qalet is-Segretarju Parlamentari Justyne Caruana meta dalgħodu fetħet konferenza dwar l-awtiżmu organizzata fl-Università l-qadima fil-Belt, mill-Assoċjazzjoni Maltija għas-Saħħa Mentali tat-Tfal u l-Adulti (ACAMH).
Hija fissret is-siwi ta' laqgħat bħal dawn fejn ġenituri, esperti u voluntieri jaqsmu l-esperjenzi u jiddiskutu l-avvanz li jsir fir-riċerka dwar din il-kundizzjoni. Fakkret ukoll fl-importanza tal-ħidma id f'id fil-mod kif il-Gvern u s-soċjetà għandhom jaġixxu fil-qasam tad-dizabilità. "Bħala Gvern napprezzaw l-impenn u d-dedikazzjoni tal-ġenituri ta' tfal bl-awtiżmu u bil-ħidma tagħna u tal-għaqdiet volontarji nistgħu noffru appoġġ koordinat li jkompli jsaħħaħ l-isforzi tal-familji," qalet Caruana.
Hija ddeskriviet il-liġi approvata iktar kmieni din is-sena dwar l-Empowerment tal-Persuni fuq il-Firxa Wiesgħa tal-Awtiżmu bħala pass kbir 'il quddiem fost programm kbir ta' leġiżlazzjoni għal oqsma differenti tad-diżabilità. "Ridna noffru appoġġ lis-saħħa u l-benesseri ta' dawn il-persuni, biex itejjbu l-kwalità ta' ħajjithom b'risq iktar inklużjoni u parteċipazzjoni fil-ħajja tal-komunità. Din il-liġi torbot sew mal-liġi li waslet biex tkun approvata fejn il-Gvern qiegħed jabbraċċa b'mod sħiħ il-Konvenzjoni tal-Ġnus Magħquda dwar id-Drittijiet tal-Persuni b'Diżabilità li issa se tkun parti integrali mil-liġijiet ta' Malta favur id-drittijiet tal-bniedem,"żiedet tgħid Justyne Caruana.
Fid-diskors tagħha Justyne Caruana rreferiet għall-miżuri l-ġodda tal-budget, fosthom ir-riforma fil-pensjoni tad-diżabilità fejn apparti li se tkun qed tiżdied għall-persuni b'diżabilità li ma jistgħux jaħdmu, se jiġu gradwalment inklużi wkoll persuni li għandhom diżabilitajiet li ma jidhrux. Dan apparti wkoll il-proġetti infrastrutturali u l-iskema l-ġdida għall-assistenza personali li huwa fond ġdid ta' miljun ewro.
Is-Segretarju Parlamentari temmet billi kkonfermat l-impenn tal-Gvern li jkompli jaħdem f'dan il-qasam ukoll biex jissokta jibni aktar għarfien u solidarjetà b'risq soċjetà ġusta issa wkoll permezz ta' politika u strateġija nazzjonali għall-ħames snin li ġejjin.