'Il-qraba ta' persuni b'diżabilita għandhom dritt ftit tal-mistrieħ'
L-MEP Laburista Miriam Dalli qalet dan waqt li kienet qed iżżur Dar il-Kaptan
More in Politika
L-MEP Laburista Miriam Dalli qalet dan waqt li kienet qed iżżur Dar il-Kaptan
Ġenituri ta’ persuni b’diżabilita’ jgħaddu minn ħafna stress li ġenituri oħra ma jgħaddux minnu, u għalhekk dawn il-ġenituri m’għandhomx jibżgħu jersqu l’quddiem u jirċievu s-sostenn u l-assistenza li jeħtieġu. L-MEP Laburista Miriam Dalli qalet dan waqt li kienet qed iżżur Dar il-Kaptan, li hi waħda mill-entitajiet li toffri servizzi ta’ respite għal persuni b’diżabilita’ u l-familjari tagħhom.
“Ġenituri ta’ persuni b’diżabilita’ jagħtu ħinhom u l-energija tagħhom għal uliedhom peress li jkollhom bzonn assistenza kontinwa kuljum, pero’ anke huma għandhom bżonn il-mistrieħ mistħoqq. L-għajnuna teżisti, u l-qraba ta’ persuni b’dizabilita m’ghandhomx jiddejqu jfittxuha. Nappella lill-pubbliku wkoll biex ma jiggudikax ghaliex il-pizijiet li jiffaccjaw il-qraba ta’ persuni b’dizabilita huma biss jafuhom. Hija xi ħaġa pożittiva l-qraba jkollhom ftit mistrieħ waqt li l-persuni b’diżabilita’ jkunu qed jirċievu l-kura u l-attenzjoni kollha meħtieġa,” qalet Dr Dalli.
Minn naħa tagħhom, l-amministratur tad-dar Joe Gerada u ċ-Ċerpersin Jennifer Sant appellaw lill-familjari biex ma jħallux is-saħħa fiżika u mentali tagħhom tasal fix-xifer qabel jibdew jagħmlu użu minn dawn is-servizzi ta’ respite. Huma rringrazzjaw lill-MEPs Maltin tan-nomina tagħhom biex Dar il-Kaptan tirċievi l-premju Ewropew taċ-Ċittadin għax-xogħol li tagħmel fis-soċjeta’.
Din is-sena, Dar il-Kaptan tagħlaq 25 sena mill-bidu tal-operat tagħha. Id-dar toffri servizzi ta’ social worker u pjanijiet individwali skont il-bżonnijiet ta’ kull pazjent. Toffri wkoll akkomodazzjoni f’każijiet ta’ emerġenza bħal mard jew imwiet ta’ familjari.
Miriam Dalli innotat b’sodisfazzjon il-ħidma li għaddejja mill-Gvern biex persuni b’diżabilita’ jgħixu ħajja diċenti. Hi għamlet aċċenn għal diversi miżuri ġodda introdotti fl-aħħar budget, fosthom skemi li jgħinu biex persuni b’diżabilita’ jkollhom assistenti personali skont il-ħtieġa tagħhom, u l-bini ta’ għaxar residenzi fil-komunita’.
“Miżuri bħal dawn huma essenzjali biex nagħtu ċ-ċans lil persuni b’diżabilita’ li jgħixu b’mod indipendenti. B’hekk nagħtu wkoll is-serħan tal-moħħ lill-ġenituri li wara li jiġu nieqsa huma, uliedhom se jkomplu għaddejjin b’ħajjithom u bl-assistenza li jkollhom bżonn,” temmet tgħid Miriam Dalli.