Id-defiċit ikompli jinżel


L-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika kkonferma kemm il-Gvern qiegħed jilħaq il-miri fiskali mħabbra fil-Budget.

Fl-ewwel disa’ xhur tal-2016, l-iżbilanċ fil-Fond Konsolidat kien ta’ €64 miljun. Fl-istess perjodu fl-aħħar sena sħiħa tal-amministrazzjoni preċedenti, l-iżbilanċ fil-Fond Konsolidat kien €282 miljun, iġifieri erba’ darbiet u nofs aktar.



Id-dħul tal-Gvern sa Settembru 2016 kien €113 miljun aktar mill-istess perjodu ta’ sena ilu. Din iż-żieda kienet xprunata minn żieda fid-dħul mill-income tax, minkejja li r-rata tat-taxxa tnaqqset għal erba’ darbiet wara xulxin. Dan huwa sinjal ta’ kemm qed jiżdied id-dħul tal-familji u n-negozji tagħna.



Kien hemm żidiet ukoll fid-dħul mid-dwana, VAT u mill-bolla, evidenza ta’ kemm il-konsum privat u l-pagi qegħdin jiżdiedu.



Fl-ewwel disa’ xhur tal-2016, l-ispiża tal-Gvern żdiedet bi €15 miljun fuq is-sena li għaddiet, kontra żieda ta’ €193 miljun fl-istess perjodu fl-aħħar sena tal-amministrazzjoni preċedenti. Il-galbu fl-immaniġġjar tal-finanzi pubbliċi qed iħalli effett pożittiv fuq id-dejn nazzjonali b'kuntrast għat-tliet xhur li Simon Busuttil kien Viċi-Kap tal-Partit fil-Gvern fejn id-dejn nazzjonali kien żdied b’medja ta’ mitt miljun kull xahar.



Il-politika tal-Gvern fil-finanzi pubbliċi qed twassal għal tkabbir ekonomiku qawwi. Mingħajr ebda miżuri ta’ awsterità, pajjiżna verament għandu finanzi fis-sod u kien għalhekk li l-Gvern qed ikun jista’ jieħu tant miżuri pożittivi favur in-negozji u l-familji tagħna.

More in Politika