Is-somma ta' €310,300,500 kienet reġistrata li daħlet mill-programm ta' ċittadinanza b'investiment mill-bidu ta' dan il-programm sa tmiem Settembru ta' din is-sena.
Minbarra din is-somma, huwa stmat li l-persuni involuti f'din l-iskema għamlu l-investimenti tagħhom fil-proprjetà, b'€44 miljun f'xiri ta' proprjetà lokali, kif ukoll €24 miljun f'kera.
Dan ġie mħabbar fil-Parlament mill-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali Owen Bonnici meta kien qed jitkellem fil-Parlament dwar l-estimi tal-baġit fil-qasam ikkonċernat.
Fil-fatt, Bonnici ċaħad dak li sostniet l-Oppożizzjoni li l-Gvern kien qed jipprova jaħbi l-ammonti ta' flus li kien qed jattira lejn pajjiżna dan il-programm. "Fil-fatt," sostna l-Ministru, "jiena stess kont provdejt figuri aġġornati darbtejn din is-sena stess meta ġejt mistoqsi dwar dan f'mistoqsijiet parlamentari."
Żied jgħid li f'Jannar ta' din is-sena kien qal li l-iskema kienet daħħlet €119,875,100 u €157,075,000 sa Marzu.