Bl-ekonomija ta' Malta sejra tajjeb ħafna, qed nitqabblu mal-aqwa fl-Unjoni Ewropea fejn għandu x'jaqsam it-tkabbir. Fil-fatt, huwa minnu li pajjiżna qed jitqabbel ma' ġganti bħall-Ġermanja u l-Irlanda fejn għandu x'jaqsam it-tkabbir ekonomiku.
Minkejja li ċ-ċifri ta' tkabbir tal-ekonomija Maltija jitkejlu tajjeb ma' dawk ta' pajjiżi kbar bħall-Irlanda, iċ-ċifri tal-pagi, partikolarment tal-paga minima jistonaw.
Fil-fatt, il-gazzetta ILLUM għamlet eżerċizzju żgħir fejn qabblet il-paga minima ta' Malta, li hija ta' €4.20 kull siegħa, ma' dik fil-Ġermanja u l-Irlanda, li wkoll għandhom ekonomija sejra tajjeb bħalissa.
Fil-Ġermanja, il-paga minima hija ta’ €1,473 kull xahar jew €8.51 fis-siegħa. Fl-Irlanda hija ta’ €1,546 fix-xahar. Interessanti li fl-Irlanda, il-paga minima tibda minn €6.20 fis-siegħa għal xi ħadd li għadu jibda d-dinja tax-xogħol u tibqa’ tiela’ għal €9.15 għal dawk li għandhom iktar minn sentejn esperjenza ta’ xogħol.