45 proposta għal housing soċjali
Skemi ġodda ta' housing sabiex ipattu għan-nuqqas kbir ta' proprjetà f'dan is-settur
More in Politika
Skemi ġodda ta' housing sabiex ipattu għan-nuqqas kbir ta' proprjetà f'dan is-settur
Il-Ministru għall-Familja u s-Solidarjetà soċjali Michael Farrugia qal li kienu daħlu 45 proposta għall-housing soċjali għand il-Gvern, meta kien qed jispjega dwar il-proċess kollu li sar fuq ir-Request for Proposals (RFP) li ħarġet f’Jannar 2014 mill-Awtorità tad-Djar.
Il-Ministru Farrugia qal li l-iskop ewlieni ta’ din it-talba kienet biex il-Gvern permezz ta’ proposti innovattivi mingħand il-pubbliku ikun jista’ jkollu f’idejh numru ta’ proprjetajiet ħalli jintużaw għall-akkomodazzjoni soċjali f’qasir żmien.
“Dan biex ipatti għan-nuqqas kbir ta’ proprjetà u jibda jindirizza il-madwar 3,000 talba għall-housing soċjali li wiret dan il-Gvern mingħand l-amministrazzjoni preċedenti,” qal il-Ministru Farrugia.
Farrugia qal li fl-aħħar ta’ Frar tal-istess sena (2014) daħlu total ta’ 45 proposta; 34 proposta fuq Malta u 11 fuq Għawdex.
Farrugia spjega kif il-proponenti ressqu offerti li kienu maqsumin fi tliet kategorji:
1. Il-Gvern jixtri l-proprjetajiet dirett mingħand il-proponent bil-prezz kummerċjali.
2. Il-Gvern ipartat il-propjetajiet tal-proponent ma’ artijiet li huma propjetà tal-Gvern.
3. Ħames proponenti offrew li jbigħu l-propjetajiet tagħhom lill-Gvern u mid-dħul jiskontaw bilanċi pendenti li kellhom jew għad għandhom mal-Gvern.
“Wara li l-Awtorità rċeviet dawn il-proposti beda l-process ta’ evalwazzjoni tagħhom minn kumitat maħtur apposta, liema kumitat kien kompost minn professjonisti kompetenti fl-oqsma tagħhom,” qal il-Ministru Farrugia.
Farrugia qal li fir-rapport tiegħu l-Board ta’ Evalwazzjoni għamel rakkomandazzjoni sabiex l-Awtorità titratta din l-aħħar kategorija (3) bi prijorità peress li din kienet tidher bħala l-aktar waħda finanzjarjament vantaġġjuża għall-Gvern.
“F’din il-kategorija kien hemm ħames proponenti. Meta dawn ġew avviċinati individwalment, tnejn minnhom iddikjaraw li ma kinux iktar interessati f’din il-proposta filwaqt li ieħor iddikjara li kien laħaq biegħ il-propjetajiet li kien offra,” qal il-Ministru Farrugia.
Kien hawn, qal Farrugia, li l-Awtorità bdiet bil-proċess biex tevalwa l-proposti taż-żewġ proponenti li kien fadal.
“Għalhekk twaqqaf board ieħor apposta sabiex janalizza fid-dettal dawn iż-żewġ proposti u l-ewwel azzjoni li ħa kienet li ħatar tliet periti indipendenti biex jagħmlu valutazzjoni ta’ kull propjetà fl-istat li kienet dak iż-żmien,” spjega Farrugia.
Il-Ministru Farrugia qal illi sadanittant ħarġet sejħa għall-offerti bejn ħames awdituri prinċipali fil-pajjiż sabiex isir awditjar tal-proċess kollu, fejn wara is-sejħa għall-offerti intgħażlet il-kumpanija Deloitte.
“Wara, tqabbdet kumpanija oħra indipendenti li għamlet eżercizzju ibbażat fuq ħames testijiet fuq kull valur li taw il-periti fir-rapport tagħhom. Dan l-awditjar ġie fdat lill-kumpanija Price Water House Coopers (PWC) illi hija l-unika kumpanija f’Malta li għandha database ta’ valuri ta’ propjetajiet li magħhom setgħu jsiru dawn il-ħames testijiet,” qal il-Ministru Farrugia.
“Bħalissa, ninsabu fl-istadju fejn il-prezzijiet offruti li mhumiex negozjabbli, qed ikunu diskussi maż-żewg proponenti,” temm jgħid il-Ministru Michael Farrugia.