'Il-masterplan għal Paceville għandu jibda jiġi pjanat mill-bidu...'

Il-PN jemmen li l-Masterplan għal Paceville għandu jiġi revedut biex jissalvagwardja l-interess tar-residenti, tan-negozji żgħar u l-operaturi

Il-Partit Nazzjonalista jqis li l-masterplan għal Paceville għandu jibda jiġi pjanat mill-bidu, jintbgħat lura “to the drawing board”, sabiex jiġu kkunsidrati l-punti li tqajmu b'reazzjoni.

Marthese Portelli, ix-Shadow Minister tal-Ambjent, l-Enerġija u t-Trasport saħqet li l-masterplan għandu jsib bilanċ bejn il-ħarsien ambjentali, l-ispazji miftuħa u l-iżvilupp u l-upgrading neċessarju.

Hija qalet li l-Partit Nazzjonalista jaqbel li għandu jkun hemm masterplan għal Paceville iżda jinsisti li dan għandu jsir sew u b'mod li l-interessi ta' kulħadd jiġu mħarsa. Marthese Portelli qalet dan waqt konferenza tal-aħbarijiet fejn spjegat u elenkat diversi punti li għandhom jittieħdu inkonsiderazzjoni fit-tfassil tal-Masterplan.

Bħala prijorità, Portelli sostniet li għandhom jiġu mħarsa d-drittijiet u l-interessi tar-residenti li jgħixu Paceville. Skont il-masterplan hekk kif propost hemm diversi residenti li se jintlaqtu ħazin u dan peress li uhud mit-toroq proposti jgħaddu minn ġo nofs il-binjiet residenzjali nfushom filwaqt li oħrajn se jittieħdu biex isiru spazji miftuħa.

Minbarra r-residenti għandhom jigu mħarsa l-interessi tan-negozji u l-operaturi li diġà qegħdin joperaw f'Paceville. Skont il-masterplan propost hemm diversi negozji li se jkollhom jiċċaqalqu jew jagħlqu. Importanti li f'dan l-istadju l-Gvern jevalwa u japprezza b'mod ġust l-investiment li jkunu għamlu u mhux iħallihom fl-għama u fil-biża' li se jitilfu ħobżhom. 

Fl-istess konferenza, ġie spjegat kif iż-żieda fil-Ground Floor Area (GFA) ta' 500,000 metru kwadru proposta mill-masterplan għandha titqassam aħjar fuq Paceville kollu u mhux igawdu l-ftit. Għandu jigi rispettat il-prinċipju ta' ‘level playing field’ bejn l-operaturi kummerċjali sabiex kulħadd jiġi trattat l-istess u mhux igawdu l-ftit a skapitu tal-oħrajn. B'mod partikolari għandu jiġi assigurat li ma jkun hemm l-ebda konflitt ta' interess li jispiċċa jiffavorixxi lil xi ħadd a skapitu tal-oħrajn. 

Il-Partit Nazzjonalista jemmen li r-reklamazzjoni tal-art proposta għandha tiġi rtirata għaliex m'hemm l-ebda ġustifikazzjoni għar-reklamazzjoni tal-art fil-baħar, aktar u aktar tenut kont tal-ħsara ambjentali u tal-interessi tar-residenti, hekk kif għandu wkoll jiġi assigurat li il-foreshore li jaqa' fid-demanju pubbliku għandu jkun aċċessibli għall-pubbliku u ma jiġi ostakolat bl-ebda mod.

Għandu jigi assigurat ukoll li l-masterplan jinkludi infrastruttura adattata li tindirizza l-isfida tat-trasport, tat-traffiku, tal-parkeġġ kif ukoll is-sistema tad-drenaġġ u mmaniġġjar tal-iskart.

Il-Kunsilli Lokali tal-lokalitajiet milquta għandhom jiġu involuti u jingħataw il-mezzi biex jindirizzaw iż-żieda fit-traffiku u d-domanda ikbar għall-parkeġġ fuq il-lokalitajiet tagħhom, u dan minħabba li l-masterplan propost se jżid kemm id-densità tal-bini kif ukoll il-popolazzjoni u l-ammont ta' nies li se jżuru Paceville.

Il-masterplan għandu jkun imfassal fuq il-carrying capacity tal-lokalità ta' Paceville u ta' madwar u mhux bl-addoċċ.

Dan il-masterplan kif preżentat iqajjem diversi mistoqsijiet mingħajr ma jagħti tweġibiet: għar-residenti, għall-operaturi u għan-negozji. Il-Gvern għandu jkun ċar man-negozji u l-operaturi li se jitilfu n-negozju tagħhom:

Kif se jiġu kumpensati? Meta se jiġu kumpensati? B'liema rata se jitħallsu? Se jittieħed il-valur tal-art illum? Se jittieħed il-valur tal-art skond il-masterplan il-ġdid? Min illum għandu negozju se jingħata kumpens a bażi ta' going concern? Il-Gvern qalilhom x'se jeħdilhom, iżda ma qalilhomx x'se jkun qed jagħtihom biex jikkumpensahom.

Ryan Callus għamel referenza għall-istorja pubblikata llum fil-ġurnal The Times of Malta li żvelat li l-istess esperti li fasslu l-masterplan ta' Paceville kienu mqabbda bħala konsulenti minn wieħed mill-iżviluppaturi li għandu proġett maġġuri propost fil-pjan. Dan huwa t-tieni każ ta' kunflitt ċar ta' interess mil-istess esperti fl-involviment tagħhom ma' żviluppatur ieħor, żvelat mill-ġurnal MaltaToday, dwar ir-reklamazzjoni tal-art imsemmija fl-istess masterplan ta' Paceville.

Dan huwa kunflitt ċar ta' interess li juri nuqqas ta' serjetà fl-ippjanar għaliex jitfa' dubji jekk uħud mill-iżviluppaturi ġewx ivvantaġġati fit-tfassil tal-pjan imfassal mill-konsulenti tagħhom stess.

Min-naħa tagħha l-kandidata għall-elezzjoni ġenerali Graziella Galea, filwaqt li tenniet li huwa tajjeb li se jkun hemm masterplan għal Paceville, saħqet li dan il-pjan għandu jsir mill-ewwel tajjeb u b'viżjoni fit-tul. Il-masterplan għandu jinkludi l-infrastruttura tajba li tindirizza l-isfida tat-trasport, tat-traffiku, tal-parkeġġ, kif ukoll is-sistema għad-drenaġġ u dik tal-ġenerazzjoni tal-iskart filwaqt li jiġu assigurati l-ogħla standards ambjentali ħalli titħares il-kwalità tal-ħajja. Il-Partit Nazzjonalista jemmen li l-Gvern għandu jassigura li dan il-masterplan iħares id-drittijiet u l-interessi kollha li ssemmew mir-residenti, MDA, GRTU, negozji ż-żgħar u l-operaturi konċernati u l-eNGOs.

More in Politika