X’ġara wara li nqasmet il-MEPA…

X’inhi d-differenza prinċipali wara li seħħ id-demerger tal-MEPA? X’vantaġġi hemm bid-demerger, kemm għall-ippjanar kif ukoll għall-ambjent?

Wara li aktar kmieni din is-sena il-MEPA nqasmet b’żewġ entitajiet separati, dik tal-Ippjanar u dik ambjentali, ħafna għadom ma jafux bl-eżatt x’inhuma d-differenzi prinċipali li seħħew wara dan id- demerger, il-firda amministrattiva bejn kwisjonijiet ambjentali u dawk relatati mal-ippjanar.

B’risposta għal mistoqsija mressqa lilu fil-Parlament ilbieraħ mingħand in Deputat Godfrey Farrugia, il-Prim Ministru Joseph Muscat spjega dwar il-vantaġġi prinċipali li seħħew minn meta l-MEPA nqasmet f’żewġ awtoritajiet separati u awtonomi.

Il-Prim Ministru Muscat spejega kif issa hemm awtorità responsabbli mill-ambjent indipendenti mill-funzjoni ta’ l-ippjanar u li għalhekk m’għadx hemm ir-riskju li kwistjonijiet ambjentali jiġu meqjusa sekondarji għal dawk li jirrigwardaw użu ta’ l-art.

Għaldaqstant, kompla Muscat, issa hemm awtoritajiet awtonomi li huma aktar iffukati u allura aktar effettivi u effiċjenti fir-responsabilitajiet rispettivi li għandhom.

L-awtorità ambjentali (ERA), issa għandha aktar saħħa u vuċi fit-teħid tad-deċiżjonijiet kemm f’dak li jirrigwarda t-tfassil ta’ politiċi permezz tal-preżenza tagħha fil-Kunsill Ezekuttiv ta’ l-Awtorità ta’ l-Ippjanar, kif ukoll f’dak li jirrigwarda d-deċiżjonijiet fuq applikazzjonijiet ta’ l-iżvilupp, permezz tal-preżenza tagħha fuq il-bord ta’ l-Awtorità ta’ l-Ippjanar.

L-ERA bħala entità awtonoma tista’ tappella minn deċiżjonijiet meħuda mill-Awtorità ta’ l-Ippjanar. Dan hu poter importanti li ma’ kienx ikun possibbli kieku l-funzjoni ambjentali u dik t’ippjanar kellhom jibqgħu amalgamati flimkien.

Minn naħa l-oħra, l-Awtorità ta' l-Ippjanar tista' tkun iffukata aktar biex tiżgura li d-deċiżjonijiet li jittieħdu jkunu aktar sostenibbli, u li jintegraw it-tlett pilastri ta' l-ippjanar li huma l-aspett soċjali, ekonomiku u ambjentali.

L-Awtorità ta’ l-Ippjannar tista tiffoka iżjed fuq pjani sostenibbli u b’integrazzjoni sħiħa ma l-infrastruttura li hemm bżonn.

Il-Prim Ministru temm jispejga li bil-ħolqien ta’ żewġ awtoritajiet separati, tiżdied l-effiċjenza u t-trasparenza fl-ipproċessar tal-applikazzjonijiet.

More in Politika