Ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni Ewropea għall-Affarijiet Barranin u l-Politika tas-Sigurtà, Federica Mogherini, ikkonfermat li se tattendi l-laqgħa għall-uffiċjali għoljin li se ssir f’Malta fit-8 u d-9 ta’ Frar 2017 biex tkompli tibni fuq il-Laqgħa Għolja tal-Belt Valletta dwar il-Migrazzjoni li saret illum.
Waqt laqgħa bilaterali mal-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali, Carmelo Abela, li saret fil-Forti Sant’Iiermu, llum nhar l-Erbgħa 2 ta’ Novembru 2016, Federica Mogherini qalet li din il-laqgħa hija importanti biex jiġi vvalutat xi nkiseb mil-Laqgħa għolja ’l hawn u x’baqa’ xi jsir, kemm mill-Istati membri tal-UE kif ukoll mill-pajjiżi Afrikani sħabhom. Il-Ministru Abela qal li l-parteċipazzjoni tar-Rappreżentant Għoli se tibgħat messaġġ qawwi ta’ impenn u għaqda min-naħa tal-UE. Qal ukoll li t-tħejjijiet għal-laqgħa jinsabu għaddejjin ġmielhom.
Fost it-temi li ġew diskussi waqt il-laqgħa kien hemm l-istrateġija tal-UE fil-konfront tal-migrazzjoni, is-sigurtà, u d-difiża, kif ukoll l-irwol ta’ Malta fil-missjonijiet u l-operazzjonijiet li jaqgħu taħt il-Politika Komuni Ewropea għas-Sigurtà u d-Difiża.
Filwaqt li laqa’ b’mod pożittiv l-ewwel Rapport dwar il-Progress fl-implimentazzjoni tal-Qafas ta' Sħubija ma' Pajjiżi Terzi taħt l-Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni, li ħareġ dan l-aħħar, il-Ministru Abela qal li fl-aħħar sitt xhur diġà ħarġu riżultati inkoraġġanti mill-kollaborazzjoni eqreb li seħħet mal-ħames pajjiżi Afrikani prijoritarji kif ukoll ma’ pajjiżi terzi rilevanti oħrajn. “Nemmnu li huwa vitali li nżommu dan ir-ritmu u li nisfruttaw il-ġimgħat li ġejjin sabiex niksbu aktar riżultati konkreti u tanġibbli sakemm il-Kapijiet ta’ Stat u ta’ Gvern tal-UE jmisshom li jerġgħu jiltaqgħu fil-Kunsill Ewropew f’Diċembru,” ikkummenta.
Dwar il-Libja, il-Ministru qal li Malta tilqa’ b’sodisfazzjon ir-rikonoxximent, f’dak ir-Rapport dwar il-Progress, ta’ kemm l-irwol tal-Libja huwa ferm importanti fil-flussi migratorji fir-rotta taċ-ċentru tal-Mediterran. Filwaqt li esprima t-twemmin ta’ Malta li l-UE għandha tintensifika l-ħidma tagħha fil-Libja, huwa tenna l-impenn ta’ pajjiżna li jappoġġja aktar sforzi min-naħa tal-UE biex titħarreġ il-Gwardja tal-Kosta Libjana bħala parti mill-Operazzjoni Sophia, li hija maħsuba biex tiġġieled kontra l-faċilitazzjoni tal-migrazzjoni illegali.
Dwar il-koperazzjoni bejn l-UE u n-NATO, il-Ministru qal li filwaqt li tirrikonoxxi s-sinifikat ta’ dawn ir-relazzjonijiet fil-kuntest tat-theddidiet li jitolbu sinerġiji li jirriżultaw minn interessi ġeopolitiċi komuni, Malta tisħaq fuq l-importanza tar-rispett għall-awtonomija u l-iskopijiet differenti taż-żewġ organizzazzjonijiet.