Fi stqarrija maħruġa minn Beppe Fenech Adami, x-Shadow Minister tal-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali, huwa jsostni li l-inċidenti tal-aħħar ftit ġimgħat urew biċ-ċar illi fil-pajjiż illum hawn ċrieki ta' kriminalità organizzata illi b'mezzi sofistikati qegħdin iħallu vittmi fit-toroq tagħna.
Din ir-realtà qiegħda tinkwieta bis-sħiħ lill-familji Maltin, li jridu s-sigurtà u s-serħan tal-moħħ waqt li hawn l-inkwiet li persuna tista' tispiċċa intortament vittma ta' kriminalità organizzata.
Quddiem din ir-rejalta, il-Gvern għandu jirreaġixxi bil-qawwa u bid-determinazzjoni kollha sabiex jinqabad min huwa l-moħħ wara dawn l-attentati serji ħafna u ssir ġustizzja.
Il-Gvern għandu jserraħ moħħ il-poplu illi qegħdin isiru l-investigazzjonijiet kollha u qegħdin jiġu ddedikati r-riżorsi kollha li hemm bżonn sabiex jissolvew dawn id-delitti gravi.
Il-poplu Malti għandu dritt għas-serħan tal-moħħ u l-Gvern għandu d-dover li jagħti dan is-serħan tal-moħħ billi jifhem illi din ir-rejaltà serja li żvolġiet hija priorità nazzjonali għaliex il-ħajjiet ta nies innoċenti u l-ordni pubbliku huma llum mhedda u pperikolati.