Illum ġie ppubblikat uffiċjalment il-Pjan Nazzjonali għall-Enerġija Rinnovabbli (National Renewable Energy Action Plan) għall-konsultazzjoni pubblika wara li saret reviżjoni mill-aħħar pjan ippubblikat fl-2010 taħt amministrazzjoni preċedenti. Ir-reviżjoni ta’ dan id-dokument tagħti pjan aktar ħolisitiku u reali sabiex jintlaħqu l-miri ta’ enerġija rinnovabbli stipulati mill-Kummissjoni Ewropea sas-sena 2020.
Wieħed mill-aspetti ewlenin tar-reviżjoni ta’ dan il-pjan huwa li Malta se tkun qiegħda tiffoka aktar fuq enerġija rinnovabbli ġġenerata mix-xemx aktar milli dik iġġenerata mir-riħ. Ir-reviżjoni ta’ dan id-dokument ġie wkoll aċċettat mill-Kummissjoni Ewropea.
Il-Ministru Konrad Mizzi qal li Malta laħqet nofs il-mira tagħha ta’ 10% enerġija ġġenerata minn sorsi rinnovabbli. Il-Gvern qiegħed jagħmel dan f’konformità sħiħa mal-politika tiegħu biex jiġġenera enerġija aktar nadifa.
Il-konsultazzjoni pubblika hija miftuħa sal-1 ta’ Diċembru 2016, u d-dokument jista jitniżżel minn fuq is-sit energywateragency.gov.mt. Nhar it-Tlieta li ġej se jittella’business breakfast konsultattiv bħala parti minn din il-konsultazzjoni.