Segretezza dwar is-sidien tal-kumpanija ta' Vitals Global Healthcare

 Il-Ministru tas-Saħħa jgħid li Buttigieg qed tħawwad id-dati, u l-argument tagħha ma jreġix meta titkellem dwar il-kuntratti

Id-deputata Nazzjonalista u shadow minister għas-saħħa Claudette Buttigieg qalet li l-ftehim mal-kumpanija Vitals Global Healthcare, li huma s-sidien il-ġodda tal-isptarijiet San Luqa, Karin Grech u l-Isptar Ġenerali ta' Għawdex, "għandu xamma ta' korruzzjoni."

Meta kienet qed tiddibatti mal-Ministru tas-Saħħa Chris Fearne fost l-oħrajn fuq il-programm Xtra mmexxi minn Saviour Balzan, Buttigieg qalet li l-kumpaniji ta' Vitals Global Healthcare ġew reġistrati f'Malta ftit jiem biss qabel ma ġie mħabbar li huma kienu ġew magħżula, mill-Ministru tas-Saħħa ta' dakinhar, Konrad Mizzi. Buttigieg saħqet ukoll li dan il-kuntratt kien ġie ffirmat fit-30 ta' Novembru tas-sena li għaddiet, jiġifieri jumejn biss qabel rappreżentant tal-kumpanija Nexia BT kien bagħat email lil Mossack Fonseca fil-Panama sabiex jinfetħu żewġ kumpaniji fil-Panama.

Minkejja dan, il-Ministru tas-Saħħa Fearne qal li l-kumpanija magħżula kienet tħabbret fid-9 ta' Settembru, kuntrarju għal dak li saħqet Buttigieg, waqt li t-tender kien għalaq fid-19 ta' Mejju, fejn sa dakinhar, kien hemm tliet konsorzja li keinu tefgħu l-offerti tagħhom.

"L-argument tagħha ma jreġix għax żbaljat id-dati. Li kieku Claudette Buttigieg jew xi ħadd mill-PN għandu prova li saret xi ħaġa ħażina, allura dawn għandhom imorru dritt għand il-Pulizija. Imma jekk m'għandhom l-ebda fatti, ma messhom jgħidu xejn," kompla jsostni l-Ministru għas-Saħħa.

More in Politika