Il-Kampanja Paga Minima Diċenti tilqa' l-appoġġ li qed jintwera...

Filwaqt li mhix konvinta minn dak li qed jgħidu s-sidien li jekk togħla l-paga minima jista’ jkun hemm konsegwenzi serji għall-kompetittività tal-pajjiż

Fi stqarrija maħruġa miIl-Kampanja Paga Minima Diċenti, l-organizzazjoni tinnota b'sodisfazzjon il-pożizzjoni meħuda minn għadd ta' organizzazzjonijiet u l-veduti espressi mill-politiċi kif ukoll l-appoġġ mogħti minn individwi, specjament ħaddiema, għall-proposta li l-paga minima tiżdied bi 3.5% għal-tliet snin konsekuttivi.

il-Kampanja Paga Minima Diċenti qegħda tittama li organizzazzjonijiet u individwi oħra jingħaqdu magħna f'din il-kampanja u li l-gvern jaċċetta u jimplimenta din il-miżura li mhix biss hija ġusta imma wkoll realistika.

Filwaqt li l-Kampanja Paga Minima Diċenti ssuggeriet li l-paga minima tiżdied bi 3.5% kull sena għal tliet snin konsekuttivi, intwera tħassib għal din il-proposta mill-Għaqda ta’ Min Iħaddem, il-Kamra tal-Kummerċ u l-GRTU.

Il-Kampanja Paga Minima Diċenti mhix konvinta minn dak li qed jgħidu s-sidien li jekk togħla l-paga minima jista’ jkun hemm konsegwenzi serji għall-kompetittività’ tal-pajjiż. Din l-istqarrija tassumi li l-pagi baxxi mħallsa f’ċerti setturi huma r-raġuni ewlenija għala l-ekonomija ta’ pajjiżna hija kompetittiva u attraenti, li mhux il-każ.

Barra minn hekk, il-proposta tal-Kampanja Paga Minima Diċenti tinkludu suġġerimenti biex ikun hemm miżuri fiskali u interventi mill-gvern biex jgħinu lil dawk l-intrapriżi li jsibu ruħhom f’diffikultajiet jekk il-paga minima tiżdied kif issuġġerejna aħna.

Mhux biss, imma l-Kampanja Paga Minima Diċenti ma tħossx li l-proposta tagħha tgħolli l-iskali kollha tal-pagi kif sostnew dawk li jħaddmu. "Aħna m’aħniex nissuġġerixxu li l-pagi kollha jiżdiedu bi 3.5% kull sena għal tliet snin. Qed ngħidu li din iż-żieda jew ekwivalenti għandha tingħata lil dawk dawk fl-aħħar skaluni u li l-pagi tagħhom m’humiex biżżejjed biex jiggarantixxu ħajja diċenti" ġie sostnut fl-istqarrija, hekk kif sostnew ukoll li anke jekk dan l-ammont, jiġifieri 3.5% tà’ paga minima, jingħata lill-impjegati kollha l-effett tiegħu fuq l-ekonomija jkun minimu, l-aktar fi żmien meta kulħadd jaċċetta li l-ekonomija sejra tajjeb.

Il-Kampanja Paga Minima Diċenti tinnota wkoll li dawk li jħaddmu qalu li permezz tas-sistema fejn il-pagi jiġu nnegozjati fuq livell ta’ intrapriża, li hi ħaġa rari fil-kuntest Ewropew, il-ħaddiema Maltin li fil-fatt jaqilgħu paga minima huma persentagg żgħir. Dan jista’ jkun il-każ.

Pero’ jibqa’ fatt li hemm numru ta’ ħaddiema li m’huma msieħba fl-ebda union u l-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħhom m’humiex effettwati min-negozjati bejn il-unions u min iħaddem. Dawn aktarx li huma dawk fuq paga minima u l-proposta tagħna hija mmirata lejhom.

Fl-aħħarnett il-Kampanja Paga Minima Diċenti tirrikonoxxi l-fatt li l-business privat huwa l-mutur tal-ekonomija tagħna, iżda tinnota li s-settur privat mhux biss jeħtieġ nies li jinvestu imma wkoll nies li jaħdmu. U l-proposta tagħna sempliċiment hija li l-ġid li qed jinħoloq minn dawn iż-żewġ partijiet jitqassam b’mod ġust. Żieda fil-paga minima hija pass f’din id-direzzjoni.

More in Politika