Folla mdaqqsa ta’ nies inkwetati dwar l-iżvilupp eċċessiv li qed isir f’pajjiżna, dalgħodu nġabru f’Tas Sliema għal manifestazzjoni organizzata minn ‘Flimkien Għal Ambjent Aħjar’, bil-kollaborazzjoni tal-Kunsill Lokali tas-Sliema u li għaliha attendew ukoll kunsilliera minn San Ġiljan, Swieqi u saħansitra Santa Lucia, li kollha kemm huma qed ibatu mill-istess problemi ta’ żvilupp eċċessiv u mhux sostenibbli fil-lokalità tagħhom.
Il-kordinatriċi ta’ ‘Flimkien Għal Ambjent Aħjar’ (FAA), Astrid Vella, indirizzat lil dawk preżenti billi bdiet tgħid li l-ambjent ta’ Malta huwa ta’ kull wieħed u waħda minnha u għandu jiġi presevat.
Vella emfassiżżat li din il-problema ta’ żvilupp eċċessiv mingħajr pjanar sostenibbli u rispettuż għar-residenti mhux problema ta’ tas-Sliema biss, iżda waħda ta’ Malta kollha. Hija saħqet li laqgha bħal din ta’ dalgħodu, li saret permezz tal-kollaborazzjoni tal-Kunsill Lokali tas-Sliema, qed issir b’solidarjetà għall-istess sitwazjoni li qed isseħħ f’Malta kollha, f’ħafna bliet u rħula ta’ Malta inklużi San Ġiljan, Attard, Buġibba, Birżebbuġa u Marsaskala.
“FAA mhux kontra l-iżvilupp, iżda kontra żvilupp abbużiv għad detriment tar-residenti, mod speċjali dawk Maltin” sostniet Vella, loi żiedet tgħid li l-iżvilupp mhux qed isir biex jgħin l-ekonomija Maltija, izda għall-interessi finanzjarji tal ftit.
Il-Kunsillier Sliemiż, Paul Radmilli, iddeskriva Sliema bħala post li bħalissa jinsab taħt attakk. Radmilli spjega kif bħalissa għand l-Awtorità tal-Ippjanar daħlu 177 applikazzjonijiet għal żvilupp fuq tas-Sliema biss. Dawn saru fuq 72 sit differenti li kull wieħed minnhom se jiġġenera problemi kbar ta’ loġistika u inkonvenjenza għat-traffiku u għall-parkeġġ tul iż-żmien tal-iżvilupp.
Il-Kunsillier tkaża li waqt il-laqgħat għall-applikazzjonijiet li jsiru l-Awtorità tal-Ippjanar, ir-rapreżentant tal-ERA lanqas biss jattendi għall-laqgħat, aħseb u ara kemm se joggezzjona għal żvilupp abbużiv.
Biex jispejga s-sitwazzjoni ta’ pjanar ħażin u abbużiv, Radmilli uża bħala eżempju permess li ngħata għal blokka ta’ 14-il apartament, liema blokka mhux se jkolla la garaxijiet u lanqas post fejn jintrema ż-żibel. “Dan,” qal Radmilli, “huwa eżempju ċar ta’ pjanar ħazin li se jirriżulta biex ikabbar il-problema tal-parkeġġ u anke dik tal-ġbir tal-iskart.”
Robert Fenech mill-FAA semma kif xi nies qalulu li issa tas-Sliema hija kawża mitlufa, għax diġà abbużata u meqruda. Hekk kif Fenech saqsa lil dawk preżenti jekk hux sew li tas-Sliema tkun ikkunsidrata kawża mitlufa... unanimament in-nies irrispondewh li LE u li mhux se jaqtghu qalbhom.
L-iskop ta’ din id-dimostrazzjoni kien biex titntalab bidla fil-kostituzzjoni tal-Awtorità tal-Ippjanar, li qed joħorġu permess wara permess għal bini illegali u għoli żżejjed. Issemmiet persuna partikulari fi ħdan l-Awtorità, Elizabeth Ellul, li jinhad li qegħda saħansitra teżenta lill-iżviluppaturi milli jagħtu l-kontribuzzjoni għal parkeġġi li suppost għandha tingħata fuq bażi tad-daqs ta’ kull post li jindena. Grazzi għal dan issa, l-iżviluppaturi qegħdin mis-seba jieħdu l-id għax jafu li l-PA se taġevolahom mingħajr ebda rigward għar-residenti jew għall-ambjent.
“Kull ma jaffetwa lil tas-Sliema se jaffetwa lil Malta kollha” żiedet tgħid Astrid Vella, “għax it-tniġġiż u mard qed jiġri madwar il-gżira kollha”
Dan qalitu minħabba l-fatt li l-bini ‘Highrise’ se jġibu magħhom ħafna aktar karozzi li se jikkontribwixxu għal ħafna aktar tniġġiż.
Il-kunsillier Sliemiż Michael Briguglio temm billi qal lin-nies “Qumu u semmgħu leħinkom”. Briguglio iddeskriva kif bħalissa Malta għandna ‘Gvern tal-voxpop’ li jekk jinduna li n-nies urtati u li minħabba f’hekk jista’ jitlef il-voti, se jieħu azzjoni. Għaldaqstant Briguglio stieden lin-nies kollha, mhux is-Sliemiżi biss iżda l-Maltin kollha, li għandom jieqfu jkunu passivi u... “jqumu u jsemmgħu leħinhom”