'Id-dijabete f’pajjiżna tolqot 30,000 ruħ...'

Dan qalu l-Ministru Chris Fearne waqt li ħabbar aktar servizzi li se jingħataw b'xejn għal min ibati bid-dijabete

"Id-dijabete f’pajjiżna hija kundizzjoni li tolqot 30,000 ruħ" Dan qalu l--Ministru għas-Saħħa Chris Fearne waqt li faħħar ix-xogħol tal-Assoċjazzjoni Maltija għad-Dijabete għall-ħidma tagħha biex tkompli tiżdied kuxjenza dwar din il-kundizzjoni.

Dan intqal waqt żjara li għamel il-Ministru f’attivita organizzata mill-Assoċjazzjoni tad-Dijabete fil-Plaza Tas-Sliema, fakkar li d-dijabetiċi f’pajjiżna se jkunu qegħdin igawdu minn aktar servizzi.

Fost oħrajn, il-Ministru għas-Saħħa qal li permezz tal-Pjan Nazzjonali għad-Dijabete, li kien l-ewwel wieħed tax-xorta tiegħu f’pajjiżna, id-dijabetiċi, minn din is-sena bdew igawdu minn mediċini ġodda fuq il-formularju għal Gliptins u Repaglinide.

Il-Ministru Fearne semma’ wkoll kif wara l-introduzzjoni ta’ sticks b’xejn biex tkun ċċekkjata d-dijabete tip 1, bdew jingħataw lit-tfal sa taħt it-18-il sena minn din is-sena. Min-nhar it-Tnejn din l-iskema se tkun estiża għal dawk kollha li jbatu bid-dijabete tip 1 irrespetivament mill-età.

“Dan kollu kien fil-Pjan Nazzjonali għad-Dijabete li ġie ppubblikat f’Diċembru li għadda. Is-sena li ġejja se nkunu qegħdin nestendu l-isticks b’xejn għal dawk li jbatu bid-dijabete tip 2, u li qegħdin fuq l-insulina,” qal il-Ministru Fearne.

More in Politika