Waqt id-dimostrazzjoni organizzata minn ‘Flimkien Għal Ambjent Aħjar’, is-Sibt filgħodu, li saret bil-kollaborazzjoni tal-Kunsill Lokali tas-Sliema u li għaliha attendew ukoll kunsilliera minn San Ġiljan, Swieqi u saħansitra Santa Lucia, attendew numru kbir ta' nies li tkellmu f'isem dawk il-postijiet kollha f'Malta li qed ibatu mill-istess problemi ta’ żvilupp eċċessiv u mhux sostenibbli li qed tbati minnhom tas-Sliema.
Residenti jitkellmu kontra żvilupp eċċessiv | Filmat ta' Ivan Consiglio
In-nies li kienu preżenti esprimew l-inkwiet tagħhom dwar din is-sitwazzjoni. Raġel li tkellem ma' illum.com.mt qal li “Xbajt f’dan il-pajjiż, u mingħajr ma’ nkun partiġġjan, ninnota li ż-żewġ partiti l-kbar it-tnejn għamlu dnubiet kbar fir-rigward tal-ambjent f’Malta. Qishu b’kumbinazzjoni, eżatt wara l-elezzjoni, inbidel iċ-Chairman tal-MEPA, iġifieri xi ħaġa tinten hemm żgur, u mhux b’kumbinazzjoni jiġru dawn l-affarijiet. Tinnota li ċerti permessi li joħroġu jingħataw b’ċerti preferenzi lil nies li għandom ċertu poter u flus. Nixtieq nagħmel appell, għax m’għandix x’nitlef, li fl-elezzjoni li ġejja dalwaqt, nippruvaw flok ma’ nagħtu vot lil ħadd għax imxebbajn miż-żewġ naħat, nivvotaw xorta imma mhux għal ebda wieħed miż-żewġ partiti l-kbar, biex forsi nkissru darba għal dejjem il-monopolju li għandhom fuq il-Parlament.”
Residenta oħra minn tas-Sliema qalet li kienet preżenti għad-dimostrazzjoni għaliex temmen li “l-kultura u s-sbuħija ta’ pajjiżna għandha tinżamm, biex bħalma nitpaxxew bil-bini u s-sbuħija ta’ pajjiżi oħra meta nsiefru, rridu napprezzaw dik li għandna f’pajjiżna stess”. Hija żieded tgħid li “lil dan il-Gvern jiena tajtu ċans għax kien dehrli li kien hawn bżonn tibdil fil-pajjiż, pero issa jiddispjaċini ngħid li dan il-Gvern mhux qed jagħmel dak li wiegħed, iżda qed jaħdmu biss għal buthom. Peress li l-bini qed jgħin l-ekonomija, qed jiġu jaqgħu u jqumu mill-kultura, mis-sbuħija tal-pajjiż u mill-poplu. Il-wirt tal-pajjiż spiċċa.”