Bejgħ ‘legali’ ta’ kmamar illegali

Kmamar illegali qed jinbiegħu taħt il-‘kappa’ ta’ tpartit u ‘ħlas ta’ dejn’

Din is-sit jinsab infurmat li minkejja li mhumiex legali, numru ta’ kmamar fl-Armier u boathouses oħra, xorta qed ibiddlu l-idejn f’bejgħ permezz ta’ diversi modi, l-aktar ta’ tpartit jew taħt il-premessa ta’ ħlas ta’ djun. Minkejja li l-oġġett tal-kuntratt, f’dan il-każ kmamar illegali, m’għandhomx il-permessi meħtieġa, it-tranżazzjoni ta’ bejgħ jew tpartit hija legali, anke jekk mhux neċessarjament dejjem valida.

Fil-fatt, sorsi li tkellmu ma’ illum.com.mt spjegaw kif qed isiru skritturi privati li jmorru quddiem in-nutar, li jkun mitlub biex ma jagħmilx ir-riċerki. Naturalment, minħabba li r-riċerki kieku juru li l-post mhux mibni bil-permess. 

Meta illum.com.mt tkellem ma’ xi nutara u anke avukati, dawn fakkru li minkejja li f’tranżazzjoni ta’ bejgħ, normalment issir ir-riċerka, jekk il-bejjiegħ u x-xerrej jaqblu li din ir-riċerka ma ssirx, in-nutar ma jkollu ebda obbligu bil-liġi li jipproċedi f’dan is-sens. B’hekk issir skrittura bejn sid il-kamra illegali u x-xerrej, din tittieħed quddiem nutar, tiġi ttimbrata, jitħallas in-nutar u barra bid-daqq. B’hekk, min ikun bena kamra illegali, mhux talli jkun tħalla jgawdi l-illegalità, talli jkun jista jagħmel kemxa flus minnha wkoll.

‘Xbajna naraw nies jilagħbuha ta’ Rambo’ -  Anna Mallia

Is-sorsi li tkellmu ma' dan is-sit sostnew li minħabba li kuntratt ta’ bejgħ ta’ proprjetà immobbli, jiġifieri art u/jew proprjetà, huwa null u invalidu f’każ li l-istess art jew proprjetà tkun illegali, ħafna minn dan il-bejgħ qed isir taħt il-‘kappell’ ta’ tpartit ta’ dejn. Jiġifieri sid il-kamra ‘ipartat’ il-proprjetà ma’ min huwa midjun lejh (anke jekk id-dejn huwa ineżistenti) u l-ħlas isir bi flus kontanti.

Is-sorsi differenti kollha li tkellmu ma' illum.com.mt għamluha ċara li filwaqt li l-oġġett tal-kuntratt jew skrittura mhux legali, l-ebda parti mill-proċess ma jwassal biex parti jew il-partijiet jitpoġġew taħt xi forma ta’ responsabbiltà. 

Il-kwistjoni kollha dwar bejgħ jew skritturi legali li permezz tagħhom qed ibiddlu l-idejn kmamar fl-Armier u boathouses madwar il-pajjiż, ħarġet fil-beraħ għall-ewwel darba f’artiklu miktub mill-Avukat Anna Mallia, lura f’Settembru fuq il-gazzetta l-orizzont. “Xbajna naraw nies jilagħbuha ta’ Rambo u jisfidaw lill-awtoritajiet u l-liġi u l-ebda gvern m’għandu jippremja lil dawn in-nies.’ Speċifikament fuq il-kmamar tal-Armier, l-avukata Mallia kienet kitbet li xebgħet tara skritturi privati magħmulin minn nutara li juru l-bejgħ u l-qligħ li qed jagħmlu minn art pubblika. “Wasal iż-żmien,” kienet qalet Mallia, “li kull min jagħmel dawn l-iskritturi, inkluż nutara u avukati bħali, ikollhom il-warrant sospiż għal ċertu żmien għax lanqas aħna, l-avukati u n-nutara, m’għandna nkunu kompliċi f’dawn l-illegalitajiet.”

Ikkuntattjata minn illum.com.mt bl-informazzjoni li kisbet, speċifikament dwar il-fatt li n-nutara mhux obbligati li jagħmlu r-riċerki, Mallia baqgħet issostni li azzjoni trid tittieħed. “Iridu nibdew b’xi forma ta’ deterrent.” Mistoqsija minn din il-gazzetta għal liema tip ta’ deterrent qed tirreferi, Mallia sostniet li “jekk hemm bżonn, għandhom isiru tibdiliet fil-Liġi tan-Nutara.”

Minkejja li dawn it-tip ta’ skritturi huma riskji kkalkulati sew għal dawk li qed jixtru, l-inazzjoni ta’ Gvernijiet sussegwenti jew inkella l-azzjonijiet tagħhom taw ċerta sens ta’ sigurtà lil dawk kollha li huma sidien, jew inkella li jixtiequ jbigħu l-kamra/boathouse tagħhom, anke jekk mhux legali.

Il-Gvern Laburista preżenti waħħal l-ismart meters lill-kmamar tal-Armier, waqt li qata’ l-provvista ta’ elettriku biss lil dawk li ma ħallsux il-kont, kif inhi l-prassi mal-klijenti normali l-oħrajn. Intant, il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil, kien wiegħed li jagħti l-appoġġ lill-Gvern preżenti jekk jieħu azzjoni kontra l-kmamar tal-Armier. Busuttil qal ukoll li mhux se jintrabat direttament ma’ ftehim li sar minn Gvernijiet Nazzjonalisti fl-2003 u l-2008. Mistoqsi iżda minn l-ILLUM, f’Jannar ta’ din is-sena, biex jispeċifika x’azzjoni jieħu kieku hu jkun Prim Ministru fil-konfront tal-kmamar fl-Armier qal biss li fil-kwistjoni tal-Armier se jistenna lil PM Muscat jirreaġixxi għal dak li qal, qabel jerġa’ jitkellem dwar dan is-suġġett.

Apparti l-proċess tal-bejgħ, il-gazzetta The Sunday Times, lura f’Novembru tas-sena l-oħra, kienet irrappurtat kif ċerti kmamar, qegħdin saħansitra jkunu mikrija għall-prezz ta’ €39 kull lejl, għal kull persuna.

More in Politika