L-interdett glorifikat f’Għawdex…

Fuljett imqassam bieb bieb f'Għawdex jiddeskrivi l-interdett bħala 'żmien ġlorjuż'

‘L-interdett ippospona d-divorzju f’artna b’madwar 50 sena’. Din l-affermazzjoni azzardata kienet parti minn fulljett intitolat ‘Leħen Għawdex’ li tqassam bieb bieb f’Għawdex minn persuna li qed tipprova tibqa’ anonima.

L-ILLUM pruvat titkixxef dwar l-identità tal-persuna responsabbli mill-kitba u tqassim ta’ dan il-fuljett. Numru ta’ sorsi diversi li tkellmu ma’ din il-gazzetta, ippuntaw lejn Dr. Joseph Azzopardi bħala l-awtur tal-fuljett. Azzopardi, li huwa lettur fl-Università, ftit taż-żmien ilu kien ippropona li jerġa’ jitwaqqaf il-‘Gozo Party’, sabiex jipproteġi l-interessi t’Għawdex.

F’kuntatt li għamlet l-ILLUM ma’ Azzopardi, huwa ċaħad li għandu x’jaqsam mal-fuljett ‘Leħen Għawdex’, li jinkludi siltiet dwar il-morning after pill, kritika kontra l-Gvern u anke l-Oppożizzjoni, flimkien ma’ artiklu xokkanti dwar l-interdett li skont l-awtur tal-fuljett kien ‘paġna glorjuża fl-istorja t’artna’.

Fid-dinja tal-lum, mhux sorpriża li l-kittieb ta’ dan il-fuljett jixtieq jibqa’ anonimu għax dak li qed jipprova jindokra f’moħħ l-Għawdxin mhu xejn ħlief ideoloġija minn mentalità antikwata, tant li fil-fatt offenda numru kbir ta’ Għawdxin bl-ideat li hemm miktubin fih.

F’dan il-fuljett hemm miktub li meta fis-sittinijiet il-Partit Laburista kien saħaq li “l-mortalità pubblika f’Malta tkun interpretata skont il-prinċipji fl-Ewropa tal-Punent,” l-Isfijiet ta’ dak iż-żmien, primarjament l-Arċisqof Gonzi, kienu ndunaw li l-Partit Laburista ried idaħħal id-divorzju, u għaldaqstant kellu jseħħ l-interdett, li skont l-awtur tal-fuljett kien fundamentali biex jipposponi d-divorzju f’Malta b’50 sena.

More in Politika