Numru ta' organizzazzjonijiet flimkien ma’ residenti tal-madwar iltaqgħu lbieraħ biex jipprotestaw fuq il-Masterplan ta' Paceville u biex il-proċess marbut miegħu jitwaqqfu immedjatament.
Fi stqarrija maħruġa minn 'Kamp Emerġenza Ambjent', l-organizazzjoni tisħaq li filwaqt li tintlaqa' l-idea ta’ Masterplan, issa huwa ċar li dan il-Masterplan huwa kompletament u strutturalment żbaljat, u ma jistax jiġi mtejjeb. Għalhekk jekk dan il-proċess ikompli se jkun eżerċizzju inutli jekk il-Masterplan ma jiġix approvat, jew devastanti jekk jasal biex jiġi approvat u implimentat.
Waqt is-sessjoni tal-Kumitat Parlamentari nhar l-Erbgħa li għadda, ħarġu numru ta’ kwistjonijiet inkwetanti ferm hekk kif il-kumpanija li ddiżinjat dan il-pjan, il-Mott MacDonald, bdew iwieġbu l-mistoqsijiet mill-Parlamentari u mill-pubbliku. L-ewwel u qabel kollox, dan il-Masterplan jippjana li nies u negozji żgħar ikunu mneħħija mill-post sabiex jiġu akkomodati interessi privati. Minkejja li xi ħaġa daqshekk serja hija ippjanata, ma kien hemm ebda konsultazzjoni ma’ dawk li se jintlaqtu b’mod daqshekk drammatiku. Kif rappreżentant tal-Mott MacDonald stqarr, il-Masterplan ġie mibni fuq il-bażi tax-xewqat tal-iżviluppaturi sabiex jibnu f’postijiet speċifiċi f’Paceville. Dan il-punt waħdu juri li l-Masterplan m’huwiex validu għaliex huwa mibni fuq pedament żbaljat. L-iżvilupp għandu jservi l-interessi tal-komunità u l-ambjent, u mhux bil-kontra.
Ħareġ ukoll li Mott MacDonald ma kinux konxji ta’ leġiżlazzjoni importanti f’pajjiżna marbuta mal-iżvilupp. Fil-fatt, il-Masterplan jippjana li jkun hemm żvilupp fil-15-il metru tal-kosta li huwa ikkunsidrat bħala dominju pubbliku skont l-Att dwar id-Dominju Pubbliku, u għalhekk ma jistax jiġi żviluppat. Jiddeskrivi bini ta’ 15-il metru bħala “low-rise” meta l-leġiżlazzjoni Maltija tikkunsidra dan il-bini bħala “high-rise”. Hemm proposta ukoll reklamazzjoni tal-art li ser tieħu spazju ODZ (qiegħ il-baħar) u thedded sit tan-Natura 2000, kif ukoll tħalli effetti negattivi fuq il-bajjiet tal-madwar, qiegħ il-baħar u ilma.
Problema kbira oħra f’dan il-Masterplan hija li dan ma jħarisx lejn l-impatt enormi li dan l-iżvilupp se jkollu fuq il-lokalitajiet tal-madwar.
Meta wieħed jikkunsidra li dan il-Masterplan inbena madwar il-ftit interessi privati, u injora il-bqija, m’hemmx alternattiva oħra ħlief li jiġi mwaqqaf u l-proċess mibdi mill-ġdid. Jekk dan il-Masterplan se jiġi approvat, anki jekk b’emendi, se jkollu konsegwenzi diżastrużi fuq in-nies u l-ambjent. Għandu jinħoloq Masterplan ġdid u dan:
- Għandu jkun ibbażat fuq il-bżonnijiet tan-nies u l-ħarsien ambjentali, u mhux biss fuq ix-xewqat tal-iżviluppaturi
- Ir-residenti għandhom ikunu ikkonsultati u involuti attivament waqt li jkun qed jiġi iddiżinjat
- Ikun konformi mal-liġi Maltija
- L-ebda art jew bini pubbliku m’għandu jingħata għal żvilupp privat
- Isir fuq livell nazzjonali sabiex ikun jirrifletti b’mod wiesa' l-bżonnijiet ta’ pajjiżna
Nhar is-Sibt 12 ta’ Novembru se ssir manifestazzjoni bil-għan li jioġi espress it-tħassib dwar dan il-Masterplan. Se tibda fl-10:30am minn ħdejn is-sinjal tal-Love fil-Bajja Spinola. Minbarra l-impatt dirett negattiv li dan il-Masterplan se jkollu fuq in-nies u l-ambjent, jekk jiġi approvat se jinħoloq ukoll preċedent ikrah; dak li elite żgħira tista’ toħloq dizinni li, f’kolp wieħed, ibiddlu radikalment l-ambjent fejn ngħixu – inkluż it-tneħħija tan-nies minn djarhom – sabiex ftit interessi privati jiġu akkomodati. Dan hemm bżonn li jieqaf issa, temmew jgħidu Kamp Emerġenza Ambjent.