‘Xiri ta' voti, korruzzjoni u ksur tal-kostituzzjoni’

Il-Partit Nazzjonalista jsostni li l-Ministru tal-Ġustizzja qed jipprova jaħbi, flok jinvestiga l-korruzjoni f'Identity Malta

Fi stqarrija maħruġa mill-Partit Nazzjonalista, il-Ministru tal-Ġustizzja, Owen Bonnici qed jiġi akkużat li qed jagħmel lilu nnifsu kompliċi fi ksur tal-Kostituzzjoni u f'korruzzjoni f’każ ta’ xiri tal-voti u l-korruzzjoni f'Identity Malta.

Il-PN jsostni li “l-Ministru Owen Bonnici mhux qed jieħu passi kontra min hu ħati f'Aġenzija evidentement korrotta, li għaliha hu politikament responsabbli, u li qed tkun imfittxa fil-Qrati anke mill-Kummissjoni Elettorali”

L-istess stqarrija ssostni li Identity Malta hi mmexxija mill-ħbieb tal-ħbieb b'mod korrott u ilha xhur sħaħ illegalment u b'mod sfaċċat tirrifjuta li tgħaddi lill-Kummissjoni Elettorali d-dettalji sħaħ u kollha ta' kull min qed jixtri ċ-ċittadinanza u allura jixtri d-dritt tal-vot.

“Il-Kummissjoni Elettorali,” skont il-PN, “għall-ewwel darba fl-istorja tagħha, kitbet diġà tliet ittri legali, ħaġa li l-Ministru Owen Bonnici ħeba, inkluża ittra uffiċjali fil-Qorti kontra Identity Malta biex din tgħaddi l-informazzjoni dwar il-voti mixtrijin, kif inhi obbligata bil-liġi.”

Il-PN jgħid li meta ġimagħtejn ilu x-Shadow Minister Jason Azzopardi fil-Parlament żvela l-abbużi u l-ksur sfaċċat tal-Kostituzzjoni minn Identity Malta biex jinxtraw il-voti, il-Ministru Owen Bonnici kien ċaħad u pprova anke jirridikola 'l-Oppożizzjoni.

L-istqarrija kompliet tgħid kif Owen Bonnici, flok ordna passi immedjati u serji kontra min qed jikser il-Kostituzzjoni biex jinxtraw il-voti u dawn jinżammu sigrieti, ipprefera jħalli l-abbuż għaddej billi taparsi jagħmilha ta' 'medjatur' bejn il-ksur tal-Kostituzzjoni u l-ħalfa li jiddefendiha.

Il-Partit Nazzjonalista, kif għamel fil-Parlament ġimagħtejn ilu permezz ta' Jason Azzopardi, jisfida lill-Gvern biex jaħtar Inkjesta Pubblika skond il-Liġi tal-Inkjesti, immexxija minn Imħallef jew Maġistrat sedenti, sabiex jinvestiga l-korruzzjoni fix-xiri tal-voti u s-segretezzi f'Identity Malta u sabiex jittieħdu l-passi kollha skont il-liġi, inkluż passi kriminali.

More in Politika