Bini għoli jista' jidfen ir-Riserva Naturali tas-Simar

BirdLife Malta inkwetati dwar il-futur tar-Riserva Naturali tas-Simar minħabba possibiltà li jitla’ bini għoli mad-dawra tagħha.

BirdLife Malta tinsab inkwetata serjament dwar il-possibbiltà li z-zona li ddawwar ir-Riserva Naturali tas-Simar fix-Xemxija tista’ tispiċċa fil-mira ta’ żvilupp li jkollu impatt negattiv fuq il-ħabitati li jagħmlu lil din ir-riserva santwarju protett tal-għasafar u sit uniku li jifforma parti min-netwerk Natura 2000.

Iz-zona viċin tar-riserva hija kkaratterizzata minn djar ta’ żewġ sulari li madanakollu l-Pjan Lokali tal-Majjistral tal-2006 jagħtihom il-fakultà li jgħollu sa 4 sulari. Sal- lum dan għadu ma mmaterjalizzax imma issa jidher li hemm il-possibbiltà li fil- futur qrib din iz-zona tiġi żviluppata b’mod sħiħ b’riskju li jingħata saħanistra l- permess li l-ogħla bini jkun ta’ aktar minn 4 sulari. Fl-istess inħawi saru diversi żviluppi oħrajn fost l-oħrajn minn lukandi li ngħataw permess jgħollu aktar minn hekk.

Għalkemm suppost li dawn l-inħawi ma jikkwalifikawx għal żvilupp ‘high-rise’, jidher li dak li jista’ jiġri hu fl-istess linja ta’ żviluppi li qed jiġu permessi madwar il-pajjiż skont il-high-rise policy li bħalissa tinsab fil-mira ta’ kritika qawwija kaġun ta’ għadd ta’ proġetti kontroversjali li qed jiġu proposti fosthom it-torri ta’ 38 sular fil-qalba ta’ Tas-Sliema u l-iżvilupp ta’ erba’ torrijiet għoljin sa 20 sular fl-Imrieħel.

BirdLife Malta tfakkar lill-awtoritajiet li r-Riserva Naturali tas-Simar tinsab f’sit Natura 2000 li jinkludi fih ukoll lill-Wied tal-Pwales u l-Miżieb. It-tarf ta’ fuq tar- riserva jservi wkoll bħala wieħed mit-truf taz-zona Natura 2000 li fuq naħa minnhom iddawwar zona tal-iżvilupp li tinkorpora lix-Xemxija. Din iz-zona sħiħa tgawdi minn protezzjoni bħala Zona Speċjali ta’ Konservazzjoni (Special Area of Conservation) minħabba l-ħabitati li toffri, kif ukoll hija Zona ta’ Protezzjoni Speċjali (Special Protection Area) għall-għasafar. Dan minbarra li hija zona ta’ improtanza ekoloġika u santwarju tal-għasafar.

BirdLife Malta qegħdin iħeġġu lill-Awtorità tal-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) u lill-Awtorità tal- Ippjanar (PA) biex immedjatament jieħdu pożizzjoni u jiddikjaraw li mhux se jippermettu dan l-iżvilupp minħabba s-sensittività ta’ dan is-sit Natura 2000 fis- Simar. BirdLife Malta tinsisti li s-siti Natura 2000 kollha f’Malta għandhom jiġu protetti jkun x’ikun il-każ, aktar u aktar minħabba li Malta għandha l-ogħla densità ta’ bini fl-Unjoni Ewropea.

Is-sit fejn illum hemm ir-Riserva Naturali tas-Simar, sat- tmeninijiet kien jintuża bħala miżbla. Dak iż-żmien il-bur salmastru kien f’kundizzjoni ħażina ħafna u l-ħabitat oriġinali kien inqered għalkollox bi ftit fdalijiet biss minnu kienu għadhom jidhru.

Is-sit ġie trasformat f’riserva fl-1992 minn BirdLife Malta. Iz-zona llum tikkonsisti f’ħabitats ta’ bur salmastru mmaniġġjati kif suppost b’għadajjar tal-ilma li jipprovdu ħabitat rari għall-Gżejjer Maltin li bis-saħħa tiegħu diversi għasafar jbejtu esklussivament fir-riserva kull sena.

Fl-2014 il-MEPA ħarġet u approvat pjan ta’ mmaniġġjar għaz-zona tas-Simar li fih tiddikjara li l-iżvilupp qed jitfa’ pressjoni fuq l-ekoloġija tas-sit. L-istess pjan jaħseb għal espansjoni tar-riserva kif tissuġġerixxi wkoll policy tal-Pjan Lokali tal- Majjistral.

Hu importanti li r-riserva naturali kif ukoll is-sit Natura 2000 iżommu buffer area li tiggarantixxi l-inqas impatt possibbli fuq il-ħabitati waqt li fl-istess ħin tassigura l- kundizzjonijiet meħtieġa biex il-post jibqa’ santwarju għall-għasafar.

Minbarra l-impatt fl-immedjat li jkollhom il-kostruzzjoni u l-użu ta’ makkinarju fuq il-potenzjal tar-riserva, effetti aktar fit-tul li jista’ jkollu żvilupp bħal dan jinkludu tniġġis mid-dwal u mill-ħsejjes li jiġġenera aktar bini fil-viċinanzi tar-riserva u problema akbar tat-traffiku li tirriżulta miż-żieda fir-residenti fl-inħawi. 

More in Politika