Ħafna mobiles... u charger wieħed
L-MPE Marlene Mizzi tinsisti li għandu jkun hemm charger komuni għall-mobiles kollha sa tmiem l-2017
More in Politika
L-MPE Marlene Mizzi tinsisti li għandu jkun hemm charger komuni għall-mobiles kollha sa tmiem l-2017
Il-Membru Parlamentari Ewropew Marlene Mizzi insistiet mal-Kummissjoni li għandu jinżamm id-deadline li jkun hemm charger komuni għall-mobiles kollha sa tmiem l-2017.
Waqt il-Kumitat tas-Suq Intern u l-Protezzjoni tal-Konsumatur, l-MPE Marlene Mizzi staqsiet lill-Kummissjoni Ewropea fiex waslu l-manifatturi fil-pjan li sa tmiem l-2017 ikun hemm chargers universali fis-suq kompatibbli mal-mowbajls kollha.
Fl-2014 il-Parlament Ewropew approva direttiva li titlob li l-manifatturi jagħmlu mobiles kompatibbli ma’ charger wieħed sa mhux aktar tard mill-2017.
Marlene Mizzi qalet: “F’ħajjitna jkollna tant apparat differenti, bħal mobiles, smart phones, tablets, kameras diġitali, music players, li jkunu kompatibbli biss ma’ charger speċifiku. Dan il-fatt joħloq inkonvenjent u spejjeż għall-konsumaturi, kif ukoll skart elettroniku li mhux neċessarju.
“Iċ-chargers tal-mobiles iġibu magħhom aktar minn 50,000 tunellata ta’ skart elettroniku fis-sena fl-Unjoni Ewropea. Ta’ spiss, meta l-konsumaturi jibdlu l-mobile jispiċċaw b’charger jaħdem tajjeb, iżda li ma jkunx kompatibbli mal-mudell il-ġdid u għaldaqstant ma jkollux aktar użu. Dan iwassal għal tunellati ta’ skart elettroniku,” qalet Marlene Mizzi.
L-MPE Mizzi, li kienet appuntata bħala rapporteur tal-IMCO fuq ir-rapport “Standards għas-Seklu 21”, qalet li “charger standard huwa opportunità mill-aqwa għax l-ewwel nett jgħin lill-konsumaturi u t-tieni nett inaqqas l-impatt ambjentali ta’ apparat elettroniku li jħallu chargers li jinbiegħu bla bżonn. Madankollu, jekk irridu nżommu mad-deadline tal-2017, hemm bżonn li l-Kummissjoni u l-manifatturi jkunu kommessi li jiżviluppaw standards Ewropej għal charger komuni.”
Il-Kummissjoni Ewropea wieġbet li qed taħdem flimkien mal-industrija fuq modi innovattivi li għandhom jgħinu kemm lill-konsumatur kif ukoll iħallu impatt pożittiv fuq l-ambjent. Il-Kummissjoni kienet pożittiva li fix-xhur li ġejjin, flimkien mal-manifatturi, jaslu għal qbil fuq soluzzjoni komuni li tissodisfa lin-naħat kollha.