'L-indħil politiku huwa attakk dirett u korrott fuq il-kultura'

Il-Partit Nazzjonalista sostna li l-Gvern qed jindaħal politikament biex 'tal-qalba jitħanżru kemm jifilħu fi flus il-poplu'

"L-indħil politiku li qed iseħħ f’kull qasam tal-Gvern Laburista biex tal-qalba jitħanżru kemm jifilħu fi flus il-poplu f’karigi li mhumiex kapaċi għalihom qed iwassal għal sitwazzjonijiet ta’ tħassib serju issa anke f’settur li żgur kulħadd jaqbel li għandu jkun ferm ’il bogħod mill-partiġjaniżmu u mill-iffangar fi flus il-poplu: il-kultura." Dan sostieh il-kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Kultura Karl Gouder.

B'referenza għal storja ppubblikata llum fil-gazzetta Times of Malta fejn ġie rrappurtat kif il-membru fuq il-bord tat-Teatru Manoel, Pia Zammit irriżenjat mill-kariga tagħha, Gouder kompla jgħid li l-aħbarijiet ta’ ndħil politiku, ħatriet bla kapaċità u riżenji bi protesta fit-Teatru Manoel jikkonfermaw dan l-indħil politiku f’settur li għalih hu responsabbli l-Ministru Owen Bonnici u li jeħtieġ jibda jwieġeb u jerfa’ r-responsabbiltà għal dan l-indħil partiġjan u l-iffangar korrott fit-taxxi li jħallas kulħadd.

Gouder kompla jinsisti li dan jiġi fuq l-għatba tal-akbar appuntament kulturali f’pajjiżna – il-Valletta 2018, li fi kliemu, hija "kisba u frott tal-Partit Nazzjonalista b’risq il-Maltin u l-Għawdxin kollha." Għalhekk, il-Partit Nazzjonalista qal li jistenna li l-Ministru Owen Bonnici jġib ’il quddiem l-aħjar talent f’pajjiżna f’kull livell fi spirtu bipartisan u "mhux li juża issa anke l-kultura u t-Teatru Manoel f’tellieqa korrotta ta’ min minn tal-qalba se jaħtaf l-aktar mit-taxxi f’karigi fejn mhux kapaċi."

Il-PN kompla jgħid li r-riżenja ta’ Pia Zammit – persuna mill-aktar rispettata f’dan il-qasam – bi protesta għal dak li qed jiġri fil-Bord tat-Teatru Manoel hi sinjal ċar f’sensiela twila tan-nuqqas ta’ tmexxija tajba u serja fil-qasam kulturali. Dak li qed jiġri f’dan il-qasam jirrifletti l-korruzzjoni kbira ta’ ffangar li ħakmet lill-Gvern kollu. Din il-korruzzjoni mhijiex biss serq ta’ flus il-poplu imma tisraq ukoll lill-poplu tagħna mill-kultura kożmopolitana li poplu modern jaspira għaliha u tisraq ukoll lill-ħafna Maltin u Għawdxin kapaċi f’dan il-qasam mill-opportunitajiet li jixirqilhom.

"Il-Partit Nazzjonalista jikkundanna b’qawwa d-deġenerazzjoni issa anke tal-qasam tal-kultura f’tellieqa ta’ ffangar korrott fi flus il-poplu. Il-Partit Nazzjonalista jesiġi mill-Ministru Owen Bonnici li ma jħallix dan il-qasam – fejn għandu wirt kbir ta’ opportunitajiet miksubin mill-Partit Nazzjonalista – jiddeġenera f’korruzzjoni li tisraq lill-Maltin u l-Għawdxin minn flushom, mill-opportunitajiet xierqa u mill-kultura kożmopolitana li naspiraw għaliha bħala poplu modern," temmet tgħid l-istqarrija tal-PN.

More in Politika