Għotja għal kull ħaddiem ġdid li jdaħħal sid ta’ ħanut

Il-Partit Nazzjonalista qed jipproponi li kull sid ta’ ħanut żgħir jingħata għotja u krediti tat-taxxa meta jimpjega l-ewwel ħaddiem jew iżid ħaddiem, ma’ dawk li diġà għandu.

Il-Partit Nazzjonalista, dalgħodu waqt il-Kunsill Ġenerali tiegħu se jkun qed jipproponi li kull sid ta’ ħanut żgħir jingħata għotja kif ukoll krediti tat-taxxa meta jimpjega l-ewwel ħaddiem jew iżid ħaddiem, ma’ dawk li diġà għandu.

L-għan ta’ din il-proposta, li se tingħaqad ma’ elenku ta’ proposti oħrajn, huwa li jiżdiedu l-impjiegi f’dan is-settur f’ambitu ta’ tkabbir li l-PN qed jipprevedi li jseħħ jekk jitwettqu l-proposti tad-dokument, kif ukoll li jkun miġġieled il-prekarjat f’dan il-qasam.

F’laqgħa li saret mal-ILLUM, ix-Shadow Minister għall-ekonomija Claudio Grech spjega kif il-PN qed jipproponi li tingħata għotja u inizjattivi permezz ta’ krediti fit-taxxa, biss taħt ċerti kundizzjonijiet. Fost dawn il-kundizjonijiet id-dokument tal-PN se jkun qed jesiġi li kull sid jeħtieġ ikun konformi mal-liġi u joffri ħlas kif stipulat mil-liġi biex ikun jista’ jikkwalifika għal tali għajnuna.

Il-PN qed jipproponi ftuħ ta’ ċentri ta’ childcare f’żoni ta’ negozju

Grech spjega lill-illum.com.mt kif l-għajnuna se tkun qed tingħata wkoll taħt kundizzjonijiet oħrajn li jeskludu kull possibbiltà ta’ abbuż jew sidien li jdaħħlu jaħdmu l-ħaddiem magħhom għal perjodu ta’ żmien qasir qabel ikeċċuh.

Fost dawn, hemm il-fatt li biex is-sid tal-ħanut jingħata l-għajnuna, ikun irid jdaħħal lill-impjegat fil-qasam tal-bejgħ biss u għalhekk la l-għotja u lanqas il-krediti fit-taxxa ma jkopru impjiegi oħrajn li jista’ jkollu bżonn, bħal tindif jew manutenzjoni tal-ħanut.

Id-Deputat Claudio Grech, meta kien qed jitkellem mal-ILLUM spjega kif minkejja li din il-proposta se tfisser spiża konsiderevoli, il-PN qed jara li jista’ jerġa’ jdaħħal lura minn dak li jkun nefaq f’kontribuzzjonijiet minn qasam li jkun ra t-total ta’ nies fis-suq tax-xogħol jiżdied.

Apparti minn hekk, id-dokument se jipproponi wkoll li f’ċentri kummerċjali jinfetħu childcare centres għal dawk il-ħaddiema mpjegati fil-ħwienet. Din il-proposta, timxi id f’id mal-miżura introdotta minn dan il-Gvern għal ċentri ta’ childcare b’xejn, liema miżura kienet suċċess, intlaqgħet b’mod pożittiv ferm u waslet għal żieda ta’ nisa fis-suq tax-xogħol.

Intant, id-dokument se jkun qed jipproponi wkoll ir-riġenerazzjoni ta’ ċentri f’lokalitajiet speċifiċi, partikolarment dawk li huma ekonomikament żvantaġġjati, f’retail hubs. L-għan ta’ din il-proposta huwa li jinħolqu ċentri aktar organizzati ta’ ħwienet li joħorġu b’inizzjattivi biex jitjieb in-negozju u jkunu attirati aktar nies lejn lokalitajiet differenti.

Grech spjega lill-ILLUM li d-dokument se jkollu aċċenn partikolari fuq is-settur tal-bejgħ li jispeċjalizza fl-artiġġjanat u prodotti Maltin, se jipproponi miżuri ta’ effiċjenza kif ukoll ta’ tkabbir.

B’kollox, id-dokument li se jkun ippreżentat illum se jkun fih total ta’ 51 proposta u minkejja li se jħares lejn is-settur tal-ħwienet kollu, se jkollu aċċenn partikolari fuq il-ħwienet iż-żgħar.

X’inhuma l-isfidi li qed jiffaċċjaw il-ħwienet iż-żgħar?

Il-proposti tal-PN li se jitressqu dalgħodu se jkunu preżentati f’perjodu ekonomiku b’saħħtu ħafna. Minkejja dan, it-tkabbir mhux neċessarjament huwa rifless fil-profitti li qed jagħmlu mijiet ta’ negozji żgħar. Imma għalfejn qed jiġri dan? Tort tal-Gvern jew le? Nistgħu nevitaw l-inevitabbli?

L-ILLUM ilha għal dawn l-aħħar ġimgħat tirraporta dwar l-andament tan-negozju f’diversi ċentri kummerċjali. Fil-ħarġa tas-16 ta’ Ottubru ta’ din il-gazzetta diversi ħwienet tal-ħwejjeġ fil-Ħamrun kienu tkellmu dwar il-biżgħat tagħhom minħabba t-temp. Wara xitwa xotta u sħuna s-sena l-oħra, xitwa oħra batuta din is-sena kienet se tfisser ‘negozju brodu’, kienu qalu lill-ILLUM. Huma kienu ddeskrivew kif is-sena l-oħra spiċċaw b’ħafna stokk ma’ wiċċhom u mhux mibjugħ. Fortunatament, din il-ġimgħa bdiet tidħaq ftit lil bosta ħwienet tal-ħwejjeġ hekk kif il-maltemp u t-tnaqqis, anke jekk mhux drastiku fit-temperatura, beda jċaqlaq xi ftit ix-xogħol.

Lura fl-20 ta’ Diċembru 2015, minkejja li s-sitwazzjoni ekonomika tal-pajjiż, kienet sejra tajjeb kif inhi llum, 65% mill-40 negozju li kienu ħadu sehem fi stħarriġ tal-ILLUM kienu qalu li n-negozju la mar għall-aħjar u lanqas għall-agħar.

Iktar kmieni din is-sena fil-ħarġa tad-29 ta’ Mejju 2015, l-ILLUM kienet tkellmet ma’ diversi ħwienet li rrapurtaw bejgħ batut ħafna fl-ewwel erba’ xhur tas-sena b’sid ta’ ħanut tal-ħwejjeġ f’Ħaż Żabbar tgħid li qed tirreġistra dħul ta’ bejn €2,000 u €3,000 inqas fix-xahar. Raġel li jbigħ bl-imnut spjega kif nies fil-mestier tiegħu naqsu bil-kbir hekk kif infetaħ iktar is-suq permezz tad-dħul ta’ malta fl-Unjoni Ewropea (UE).

L-ILLUM irrapurtat fl-stess artiklu li l-agħar li kienu qed jintlaqtu, mill-kompetizzjoni minn ktajjen ta’ ħwienet kbar li qed jiftħu huma dawk li jbigħu ħwejjeġ tat-trabi.

Il-kompetizzjoni ma kinitx biss ħarxa fuq sidien ta’ ħwienet tal-ħwejjeġ, imma wkoll fuq il-mijiet ta’ ħwienet tal-merċa madwar il-pajjiż. Fil-fatt f’artiklu ieħor, din id-darba ppubblikat nhar it-30 ta’ Ottubru li għadda, numru ta’ groceries kienu stqarrew mal-ILLUM kif biex jiġġieldu l-kompetizzjoni kellhom fl-aħħar snin jibdew jaċċettaw li jibdew ibigħu l-prodotti tagħhom bid-dejn lil numru ristrett ta’ klijenti. “Qed ikissrulna n-negozju u l-għixien tagħna,” saħqet sid ta’ ħanut li tkellmet ma’ din il-gazzetta.

Negozji ta’ natura oħra li tkellmu mal-ILLUM kienu dawk li għandhom forn. Il-Ħadd li għadda l-ILLUM tkellmet ma’ numru ta’ sidien, li spjegaw kif kellhom jiddiversifikaw biex setgħu jkampaw, dan anke jekk in-numru ta’ fran fil-lokalità ta’ Ħal Qormi naqqsu ħafna, hekk kif bosta mhumiex protetti bħala wirt storiku u kulturali.

More in Politika