‘Żmien ta’ aktar rivoluzzjonijiet f’pajjiżna…’ – Joseph Muscat

Joseph Muscat tkellem fuq ir-rivoluzzjoni soċjali li jmiss f’pajjiżna wara li l-Gvern diġà għamel ħafna rivoluzzjonijiet siekta f’dawn is-snin

Il-Prim Ministru Joseph Muscat indirizza attività politika fiċ-ċentru Laburista ta’ San Gwann, fejn huwa fetaħ l-indirizz tiegħu b’żieda fuq il-kliem tal-Ministru George Vella, li tkellem qablu, dwar ir-rispett li Malta qed iġġib internazzjonalment.

Muscat tkellem fuq ir-rivoluzzjoni soċjali li jmiss f’pajjiżna. Dan il-Gvern għamel ħafna rivoluzzjonijiet siekta f’dawn is-snin. Bħala eżempju, il-Prim Ministru semma r-rivoluzzjoni li qed issir fil-kamp tal-enerġija li permezz tagħha ħriġna minn teknoloġija antika li qed tagħti vantaġġ finanzjarju u ekoloġiku lill-poplu Malti. Rivoluzzjoni oħra li wettaq il-Gvern Laburista, qal Muscat, hija dik fil-qasam tas-saħħa, permezz ta’ inqas ħinijiet ta’ mistennija fl-isptar, servizz aħjar u investiment mill-privat biex St.Lukes jerġa jinfetaħ bħala sptar tajjeb daqs jew aħjar mill-Mater Dei stess, flimkien ma’ sptar ġdid f’Għawdex.

Muscat tkellem kif għal kull riforma tajba li jagħmel il-Gvern, l-istess nies imaqdru dan il-proġress u jitkellmu fuq ‘establishement’. Dan, spjega Muscat, juri li min imaqdar huwa l-‘establishment’ li ma jridx bidla u jrid iħalli l-affarijiet jibqgħu l-istess f’Malta.

“Min ma jridx ftehim maċ-Ċina, l-Amerika u r-Russja, huwa dak li huwa kontra l-proġress u huwa hu l-‘establishment’ li qed jittimbra li huwa l-Gvern preżenti, “ qal Muscat.

Il-Partit Laburista għamel bidla kbira fis-suq tan-nisa fix-xogħol, qal Muscat. “B’aktar nisa jaħdmu, solvejna problema għall-kull min jaħdem bħalissa, għax permezz t’hekk mhux se jkun hemm bżonn togħla l-età tal-pensjoni jew ir-rati tal-bolla.” Muscat spejga li bin-nisa li qed jaħdmu u jħallsu l-bolla, il-pensjonijiet ġew aktar sostenibbli.

“Jekk igawdu n-nisa, jgawdi kullħadd,” qal Muscat li spjega li meta n-nisa jkollhom drittijiet ugwali, tgawdi s-soċjetà kollha. “U għaldaqstant, jekk nieħdu ħsieb id-drittijiet tan-nisa, se jgawdi kullħadd” qal Muscat.

Il-Prim Ministru ddefenda l-koperazzjoni tal-Pulizija fuq livell Ewropew dwar il-kwistjoni tal-persuni li kellhom jintbatu lura f’pajjiżhom wara li nstabu Malta mingħajr permess.

Bi ftehim mal-pajjiżi minn fejn dawn oriġinaw, u skont il-liġijiet tal-Unjoni Ewropeja, min kien hawn illegalment ġie mibgħut lura b’mod legali u umanitarju. Dan sar sabiex Malta turi lill-U.E, li Malta u l-Ewropa mhumiex ‘free for all’ u b’konformità mal-liġijiet internazzjonali, min jidħol mingħajr permess u mhux ġej minn pajjiż perikoluż, għandu jintbgħat lura, biex b’hekk tingħata għajnuna esklussiva lill-każijiet umanitarji ġenwini.

Dwar il-paga minima, Joseph Muscat qal li l-Gvern diġà ta indikazzjoni li din mhux biżżejjed u fil-baġit li għadda, il-paga minima żdiedet bejn 4 u 15 il-Ewro fil-ġimgħa, u li l-piż ta’ dan refgħu il-Gvern u ma tefgħux fuq min iħaddem.

“Issa wasal iż-żmien li min iħaddem u t-trade unions jiltaqgħu madwar mejda u jilħqu ftehim bejnietom dwar il-paga minima.” Jekk ma jiftehmux bejnietom, qal Muscat, imbgħad ikolli jdaħħal sistema l-Gvern li permezz tagħha tiżdied il-paga minima. 

More in Politika