‘Il-PN qiegħed jintrabat li jnaqqas l-'income-tax' tan-negozji ż-żgħar għal 10%’

Din hija waħda mill-proposti tal-Partit Nazzjonalista immirati għan-negozji ż-żgħar

Fl-indirizz tiegħu waqt il-Kunsill Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista, il-kap tal-Partit, Simon Busuttil qal li huwa jaqbel li l-paga minima għandha tiżdied b’10% fuq medda ta’ 3 snin. Busuttil jemmen li din hija proposta tajba li jappoġġja u jħossu kburi jgħid li l-paga minima għandha tiżdied għall-ħaddiem iż-żgħir, u li biex l-ekonomija vera titqies bħala tajba, trid tkun sejra tajjeb għall-ħaddiem iż-żgħir u mhux għal min għandu kont fil-Panama jew se jibdni xi torri għoli.

Busuttil tkellem ukoll dwar in-nies tal-ħwienet, li f’Malta hawn l’fuq minn 7,000 minnhom, flimkien mal-familji tagħhom u tal-impjegati tagħhom. Il-PN irid jaqbeż għan-negozjanti ż-żgħar billi jniedi politika apposta għas-sidien tal-ħwienet iż-żgħar sabiex jirrikonoxxi l-kontribut tagħhom lejn is-soċjetà u dak li jgħaddu minnhu biex ilaħħqu mal-ħajja.

Dan id-dokument li fih 51 proposta għan-nies tal-ħwienet, se jkopri primarjament it-taxxa tas-sisa li qed tolqot b’mod negattiv ħafna lis-sidien tal-ħwienet. “M’hemmx il-VAT diġà ?” isaqsi Busuttil, “mela għaliex għandna ndaħħlu lura s-Sisa,” qal Busuttil, li qal kif Muscat reġà tefana fi żmien it-taħwdid ta’ Alfred Sant bl-introduzzjoni tas-sisa u jwiegħed li Gvern Nazzjonalista jneħħiha minnufih.

Proposta oħra hija li parti mill-VAT miġbur mill-ħwienet jintuża għat-tisbieħ tal-lokalità fejn jinsabu l-ħwienet stess, għar-rigenerazzjoni taż-żona.

l-aktar proposta kuraġġuża li ħabbar Busuttil hija li l-PN qiegħed jintrabat li jnaqqas l-income-tax tan-negozji ż-żgħar għal 10%. “Din hija proposta li tagħmel il-Partit Nazzjonalista fuq quddiem tal-proposti intenzjonati għal min hu żgħir,” qal Busuttil. Huwa qal li t-taxxa mnaqqasa għal 10%, tkun marbuta mal-ewwel 50,000 Ewro profitt. B’dan il-mod min qed jaqla’ ħafna jiġi ntaxxat kemm suppost, filwaqt li n-negozjant iż-żgħir ma jitpoġġiex fl-istess keffa man negozjant il-kbir.

Busuttil semma wkoll li l-ħaddiema li jaħdmu fil-ħwienet, ma jkunux f’kundizzjoni ta’ prekarjat minħabba li sid il-ħanut ma jkunx jiflaħ iħallasom minħabba income-tax għolja.

B'riferenza għar-residenti u negozjanti ta' Paceville li se jitilfu djarhom u n-negozji tagħhom minħabba l-Master-Plan ta' Paceville, Simon Busuttil temm jgħid li issa wasal iż-żmien li n-nies iż-żgħar li Joseph Muscat mhux jagħti kas, għax moħħu biss fil-miljunarji, il-Partit Nazzjonalista se jkun hemm għalihom u għall-ħaddiema ż-żgħar ta' Malta kollha.

 

More in Politika