Ix-xogħol fil-pjazza ta’ Raħal Ġdid se jibda… fl-aħħar
Wara xhur fejn ix-xogħol fuq il-pjazza deher wieqaf, dan għandu jissokta fil-ġimgħat li ġejjin
minn Ruben Anthony Xuereb
Ix-xogħol fuq il-proġett tal-pjazza ta’ Raħal Ġdid, li mistennija ssir żona pedonali, mistenni jitkompla fil-ġimgħat li ġejjin hekk kif se jkun qed jintgħażel il-kuntrattur li jieħu t-tender għax xogħolijiet. Filfatt, wara kullana ta’ kritika saħansitra mill-kap tal-Oppożizzjoni fil-Parlament, il-proġett mistenni li jaqbad ritmu mgħaġġel minn Diċembru li ġej u jkun konkluż mhux aktar tard minn sena u tliet xhur oħra.
Dan żvelaħ mal-ILLUM, Silvio Parnis, iċ-Ċermen tal-Kunsill Konsultattiv għan-Nofsinhar ta’ Malta, li fakkar kif b'kollox applikaw tmien kuntratturi u fil-ġimgħat li ġejjin issir l-aġġudikazzjoni għall-aħjar offerta. Parnis saħaq li fil-kuntratt se jkun hemm klawsola li x-xogħol ma jistax idum aktar minn sena u tliet xhur minn mindu jibda.
“Il-proċess ħa l-ħin tiegħu,” qal Parnis, “hekk kif wara li ħarġu l-pjanti, l-ewwel kellhom jinkisbu l-fondi, li ġew assigurati mill-Gvern, imbgħad isir il-proċess kollhu neċessarju ta’ permessi mal-Awtorità, u fl-aħħar joħroġ il-proċess tat-tendering li se jingħalaq fil-ġimgħat li ġejjin”
Ħafna nies qalu li s-siġar inqalgħu kmieni wisq
Ilment fuq fomm ħafna nies kien dwar is-siġar li nqalgħu f’April li għadda, u l-ħadid li tela’ mad-dawra tal-pjazza qabel waqaf ix-xogħol.
Intant l-ILLUM għamlet ukoll kuntatt mas-sindku ta’ Raħal Ġdid, Dominic Grima, li spjega li minkejja li l-proġett kien pjanat li jibda fl-aħħar tas-sena, is-siġar kellhom jinqalgħu qabel is-sajf. Is-Sindku qal li dan sar fuq parir ta’ ambjentalisti li kienu nvoluti fid-diskussjonijiet dwar il-proġett. “Għall ġid tas-siġar stess,” qal Grima, “dawn kellhom jinqalgħu minn posthom u jerġgħu jitħawlu post ieħor qabel ix-xhur tas-sajf”.
Infatti illum.com.mt ġie nfurmat li s-siġar ġew imħawwla b’suċċess f’Raħal Ġdid stess, madwar il-parkeġġ taċ-ċimiterju. Is-sindku qal li huwa jemmen li kienet ħaġa sabiħa li dawk is-siġar, li uħud minnhom għandom 'il fuq minn 90 sena, baqgħu Raħal Ġdid. It-tieni grupp ta’ siġar, li se jibdew jinqalgħu fil-jiem li ġejjin, issa li spiċċa l-istaġun sħun, se jkunu mħawla fi ġnien il-mediterran.
Meta mistoqsi dwar l-istruttura tal-ħadid li ilha xhur mad-dawra tal-pjazza, is-sindku rrisponda li wara li nqalgħu is-siġar, beda jsir parkeġġ abbużiv fuq il-pjazza, li seta’ anke kkawża inċidenti. Għaldaqstant huwa saħaq li “preferejt naqla’ kritika minħabba ‘fence’ milli fuq inċidenti tat-traffiku jew nies imweġġa.”
Il-gabbana se tinbidel biex tikkumplimenta d-dehra tal-proġett
Meta mistoqsi dwar x’se jsir mill-gabbana li hemm fil-pjazza, iċ-Ċermen tal-Kunsill Konsultattiv għan-Nofsinhar ta’ Malta, Silvio Parnis, stqarr li “ma rridu nieħdu l-ħobża ta’ ħadd,” u għaldaqstant il-gabbana se tibqa’ topera fil-pjazza l-ġdida, skont il-permessi regolari li għandu sidha, wara li ovvjament din tinbidlilha d-dehra tagħha sabiex tikkumplimenta l-bqija tal-proġett.”
Minkejja li dan il-proġett intlaqa’ b’mod ferm pożittiv mir-residenti ta’ Raħal Ġdid, għad hemm diversi mistoqsijiet dwar l-immaniġġjar tat-traffiku f’din iż-żona, hekk kif madwar il-pjazza ta’ Raħal Ġdida bħalissa jagħaddu madwar 18,000 karozza. Filfatt il-pjazza ta’ Raħal Ġdid tista’ titqies bħala ċ-ċentru minn fejn jgħaddi t-traffiku minn nofsinhar, miż-żona ta’ Fgura, Ħaż-Żabbar, Marsaskala u l-Kottonera direzzjoni lejn il-Belt. Il-maġġoranza tar-rotot tat-trasport pubbliku minn dawn iż-żoni, kollha jgħaddu wkoll minn din il-pjazza.