Chris Fearne l-aktar Ministru popolari

Il-Ministru tas-Saħħa ġie vvotat bħala l-aktar Ministru popolari, filwaqt li dak tat-Trasport klassifika fl-aħħar post

Mill-aħħar stħarriġ dwar l-aktar ministru popolari mal-poplu, li għamlet il-maltatoday, ħareġ li l-Ministru tas-Saħħa, Chris Fearne huwa l-aktar ministru popolari, b'persentaġġ ta' 52.3% ta' voti pożittivi. Dan ukoll minkejja li Fearne ilu biss ministru minn April li għadda, ir-riżultat isaħħaħ aktar il-pożizzjoni tiegħu fost il-poplu, fejn kemm Laburisti kif ukoll Nazzjonalisti qisuh bħala l-ministru favorit tagħhom.

B' 52.3%, Fearne qabeż bi ftit lill-Ministru Evarist Bartolo, li ġie fit-tieni post tal-istħarriġ b'51.4% tal-poplu jqisu bħala l-favorit tiegħu. Fuq in-naħa opposta tal-klassifika nsibu lill-Ministru tat-Trasport, Joe Mizzi, li klassifika fl-aħħar post b'24.3% biss ta' dawk mistoqsija jtuh vot pożittiv.

Il-predeċessur ta' Fearne, Konrad Mizzi, qala' daqqa l-isfel mill-aħħar stħarriġ u mill-ħames post li kien qed igawdi fl-aħħar stħarriġ li sar, issa jinsab ta' qabel tal-aħħar fil-klassifika b' 28.8% biss ta' dawk mistoqsija, li l-maġġoranza tagħhom huma Laburisti, ituh vot pożittiv. Manuel Mallia ma tantx mar tajjeb lanqas hekk kif ġab punteġġ daqs Mizzi u jaqsam miegħu il-post ta' qabel tal-aħħar.

L-istħarriġ ta' din is-sena wera biċ-ċar li r-riżultati tajbin fl-oqsma tas-saħħa u l-edukazzjoni qed jiġu apprezzati mill-poplu u jirriflettu fir-rispett u l-fiduċja li l-Ministri responsabbli għandhom f'għajnejn in-nies. Minn naħa l-oħra il-kwistjonijiet relatati mal-problemi tat-traffiku li kulħadd qed jesperjenza bħalissa rriflettew fin-nuqqas ta' fiduċja u voti negattivi li ngħataw lill-Ministru Joe Mizzi. 

Mhemmx għalfejn jingħad li l-iskandlu tal-Panama tefa' l-Konrad Mizzi lura fil-fiduċja li l-poplu għad għandu lejh, fejn mill-aħħar stħarriġ li sar, saħansitra n-numru ta' Laburisti li vvotaw favur Konrad Mizzi niżel minn 77% għal 55%

Vittma oħra ta' nuqqas fil-popolarità skont dan l-istħarriġ kien il-Ministru tal-Ġustizzja Owen Bonnici li tilef 11-il punt mill-aħħar stħarriġ u jinsab fid-9 pożizzjoni tal-klassifika b'37.4% ta' voti pożittivi biss.

B'mod ġenerali, l-istħarriġ juri li l-poplu japrezza r-riżultati tajbin u l-proġress evidenti fil-qasam tas-saħħa u għaldaqstant, fost in-nies li ħadu sehem fl-istħarriġ, 76.1% ta' Laburisti u 34.4% ta' Nazzjonalisti taw vot pożittiv lil Chris Fearne. Evarist Bartolo, baqa' jgawdi r-rispett tal-poplu, mhux tal-Laburisti biss minħabba x-xogħol siewi tiegħu fil-qasam tal-edukazzjoni. Jista' jkun ukoll li l-fatt li Bartolo ma ddejjaqx jagħti l-opinjoni sinċiera tiegħu dwar l-iskandlu tal-Panama, kisiblu wkoll aktar rispett mingħand votanti Nazzjonalisti ukoll.

Minn naħa l-oħra, dan l-istħarriġ wera wkoll li l-iskandlu tal-Panama ma tantx niżel tajjeb, lanqas mal-Laburisti stess, li anke fosthom intilfet ħafna l-fiduċja f'Konrad Mizzi.

More in Politika