L-ambjentalisti u l-ERA kontra proposta ta’ parkeġġ f’Marsaxlokk

Proposta biex jinbena parkeġġ kbir f’Marsaxlokk, ma ntlaqatx tajjeb mill-ambjentalisti u l-ERA minħabba li l-art proposta biex isir fiha hija ODZ

Il-parkeġġ propost ħdejn il-ground ta' Marsaxlokk
Il-parkeġġ propost ħdejn il-ground ta' Marsaxlokk

Fi żmien meta l-Ministeru tas-Saħħa u l-Enerġija kien għadu mmexxi minn Konrad Mizzi, kienet saret proposta biex isir parkeġġ kbir ta’ 11,400 metru kwadru viċin il-ground tal-football ta’ Marsaxlokk

Il-Gvern kien saħaq li ż-żona wara l-ground, li tinsab ‘l barra miż-żona tal-iżvilupp, ġiet idetifikata bħala l-aktar post ideali fejn isir dan il-parkeġġ, anke minħabba l-istat ħażin li tinsab fiha din iż-żona, li għal tul ta’ żmien ila mitluqa u tintuża bħala parkeġġ illegali u post fejn isir rimi illegali.

Minkejja dan, l-Awtorità għar-Riżorsi u l-Ambjent (ERA) qed toġġezzjona għal din il-proposta, jekk ibbażata biss fuq il-fatt li ż-żona tħalliet tintuża għal parkeġġ illegali.

Minbarra l-ERA, Din l-Art Helwa u Nature Trust ukoll oġġezzjonaw għall-iżvilupp tal-parkeġġ f’din iż-żona, hekk kif innotataw ukoll li fil-viċinanzi taż-żona fejn ġie propost dan il-parkeġġ, hemm numru ta’ fdalijiet arkeoloġiċi, inkluż dawk ta’ villa Rumana, li jistgħu jiġu mġarrfa jekk jibdew ix-xogħlijiet ta’ żvilupp fiż-żona.

Il-parkeġġ jagħmel parti mill-proġett ta’ €6 miljun għat-tisbieħ f’Marsaxlokk, li kien imħabbar f’Ġunju li għadda, ftit qabel mal-iskandlu tal-Panama tefa’ l-ministeru ta’ Konrad Mizzi taħt dawl ikrah u nessa l-proġett ta’ Marsaxlokk propost mill-Ministeru li kien tiegħu dak iż-żmien.

More in Politika