Front Ħarsien ODZ... kontra l-masterplan ta' Paceville

Front Ħarsien ODZ jopponu għar-reklamazzjoni tal-art għall-użu ta' bini ta' lukandi u proprjetà

Fi stqarrija maħruġa minn Front Ħarsien ODZ, il-grupp jissokta l-argumenti kontra l-masterplan propost għal Paceville, fejn isostnu li parti mill-iżvilupp propost huwa reklamazzjoni tal-art għal skopijiet ta' bini ta' lukandi u proprjetà.

Front Ħarsien ODZ jinnotaw li skont il-pjanijiet, nofs l-art reklamata viċin Portomaso se tkun użata għal bini residenzjali, 44% għal bini ta' lukandi, 5% għal uffiċini u 1% għal "użu ieħor".

Front Ħarsien ODZ qed jopponu għal din ir-reklamazzjoni bi skop ta' bini residenzjali u ta' lukandi. Il-grupp jisħaq li speċifikament fil-każ ta' Paceville, l-oppożizzjoni tagħhom qegħda ssir ukoll minħabba li viċin taż-żona proposta għar-reklamazzjoni, hemm żona marina protetta.

Huma jsostnu li fil-każ ta' Malta, ma jagħmilx sens li jsir masterplan għal-żona waħda, mingħajr ma jiġu kunsidrati ż-żoni tal-madwar.

Għaldaqstant, Front Ħarsien ODZ qegħdin jagħmlu talba biex isir masterplan li jkopri l-impatti ekoloġiċi, marini u soċjali, flimkien ma' dawk tat-traffiku u maniġjar tal-iskart qabel ma' jiġu proċessati l-applikazzjonijiet. Master plan nazzjonali għandu jikkunsidra dawn l-aspetti kollha.

Front Ħarsien ODZ qegħdin jitolbu wkoll għal trasparenza kompluta fir-rigward tal-pubblikazzjoni tas-sottomissjonijiet kollha magħmulin mill-iżviluppaturi.

More in Politika