'Rebħa għall-PN u telfa għal Joseph Muscat' - Simon Busuttil

Simon Busuttil, indirizza ‘rally’ fid-dar ċentrali tal-PN bħala ċelebrazzjoni għad-deċiżjoni tal-Qorti Kostituzzjonali li tagħti żewġ siġġijiet fil-Parlament lill-Partit Nazzjonalista.

Simon Busuttil daħal b'atteġġement ta' rebbieħ minn qalb in-nies li kienu qed jistennew il-wasla tiegħu fiċ-Ċentru Nazzjonalista, biex jindirizza ‘rally’ bħala ċelebrazzjoni għad-deċiżjoni tal-Qorti Kostituzzjonali li tagħti żewġ siġġijiet fil-Parlament lill-Partit Nazzjonalista.

Busuttil beda jgħid li l-iżball fl-elezzjoni tal-2013 irriżulta f’żewġ siġġijiet aktar milli suppost għall-PL u tnejn inqas għall-PN. Iż-żewġ siġġijiet tal-Partit Laburista li mhux suppost kellhom ikunu fil-Parlament kienu dawk ta’ Joe Debono Grech u Justine Caruana, żewġ deputati li ilhom jirrappreżentaw lill-poplu għal dawn l-aħħar snin mingħajr ma’ kellhom id-dritt li jkunu hemm.

Busuttil qal li d-deċiżjoni għaqlija tal-Qorti ma’ kienitx li tneħħi s-siġġijiet li ilhom “isaħħnu” d-deputati Laburisti mill-2013 ‘l hawn, iżda li jingħataw żewġ siġġijiet lil deputati Nazzjonalisti.

“Il-maġġoranza ta’ Muscat issa naqset minn disa’ siġġijiet għal ħames siġġijiet maġġoranza issa. Kważi tnaqqis ta’ siġġu fis-sena,” qal Busuttil.

Għaldaqstant Busuttil għamel talba biex iż-żewġ siġġijiet mistħoqqa lill-Partit Nazzjonalista jiġu mogħtija minnufih.

Busuttil xebbaħ is-sitwazzjoni tal-elezzjoni preċedenti mal-istorja ta’ David u Gulija, hekk kif il-PN bħala David fil-minoranza, kellhu jissielet kontra ġgant, kontra kullħadd… iżda llum David rebaħ kontra l-ġgant Gulija. “Għal min jemmen, għal min jistinka u jkun determinat, xejn ma hu impossibli,” qal il-Kap Nazzjonalista.

“Fil-Qorti llum kien hemm telfa kbira għal Joseph Muscat,” qal Busuttil, “għax huwa għamel minn kollox biex il-Partit Nazzjonalista ma jingħatalux dak li ħaqqu.” Busuttil qal li Joseph Muscat ħadem għal tliet snin u nofs kontra d-drittijiet tan-nies u d-demokrazija fil-forma tad-dritt tal-vot.

Simon Busuttil wiegħed lil dawk preżenti li ż-żewġ siġġijiet aktar fil-Parlament se jintużaw fil-Parlament fis-sena li fadal qabel l-elezzjoni, għal dawk in-nies li għandhom bżonn leħen jaqbeż għad-drittijiet tagħhom.

More in Politika