Imut Fidel Castro, l-eks mexxej ta' Kuba

Fidel Castro, l-eks President ta' Kuba u mexxej tar-revoluzzjoni Komunista, imut fl-età ta' 90 sena

Fidel Castro, imut fl-età ta' 90 sena
Fidel Castro, imut fl-età ta' 90 sena

Aktar kmieni dalgħodu, il-familja ta' Fidel Castro ħabbret li l-eks President ta' Kuba u mexxej tar-revoluzzjoni Komunista, miet ilbieraħ filgħaxija fl-età ta' 90 sena.

Dan ħabbru l-President ta' Kuba, Raul Castro, ħu fidel, li stqarr dalgħodu li "miet il-mexxej tar-revoluzzjoni Kubana". Fidel Castro mexxa l-pajjiż għal kważi 50 sena f'sistema statali b'partit wieħed, sakemm fl-2008, ħa postu ħuħ Raul bħala president tal-pajjiż.

Castro se jibqa' personaġġ storiku fl-istorja ta' dan is-seklu bħala dak li beda u mexxa u r-revoluzzjoni ta' Kuba aktar minn 50 sena ilu, u li minn dak iż-żmien mexxa l-pajjiż. Infatti, Castro huwa l-aktar mexxej li mhux ġej minn familja rjali, li dam fit-tmexxija ta' pajjiż tul dan is-seklu.

Il-partitarji u simpatizzanti ta' Castro jsostnu li huwa ta' lura l-pajjiż lill-poplu Kuban, minkejja li tul is-snin Castro kien akkużat ta' mġieba dittatorjali li tatx lok għal oppożizzjoni fil-pajjiż.

Fidel Castro se jiġi kremat aktar tard fil-jum tas-sibt, ħabbar il-President Raul Castro, hekk kif ħabbar numru ta' ġranet ta' luttu fil-pajjiż kollhu.

Raul Castro temm l-indirizz tiegħu b'għajta tal-islogan revoluzzjonarju li kien juża ħuħ Fidel..."Lejn ir-rebħa, dejjem!"

Tul is-snin tal-gwerra bierda, Fidel Castro dejjem kien personaġġ xejn maħbub f'Washington

Fl-1959, flimkien ma' grupp żgħir ta' ġellieda ribelli, irnexxielu jegħleb il-mexxej militari Fulgencio Batista. Fi żmien sentejn li ħa f'idejh it-tmexxija tal-pajjiż, Castro ddikkjara l-alleanza tiegħu mal-Unjoni Sovjetika.

Dan poġġieh f'dawl ikrah ħafna mal-Istati Uniti, li minkejja theddid ta' invażjoni Amerikana, kif ukoll l-embargo li dam għaddej sa din is-sena stess, Castro rnexxielu jżomm ir-revoluzzjoni komunista fil-pajjiż minkejja li pajjiżu kien biss 145km l'bogħod mill-kosta ta' Florida.

Karattru mibgħud mill-kritiċi kollha tiegħu, iżda maħbub minn dawk kollha li mxew warajh tul is-snin, Castro għix taħt it-theddida ta' 10 presidenti tal-Istati Uniti u numru kbir ta' attentati fuq ħajtu minn naħa tas-CIA.

Illum miet b'kawżi naturali fl-età ta' 90 sena u bla dubju se jħalli ismu fl-istorja tad-dinja.

More in Politika