Minkejja li għadu jifforma parti minoritarja tas-suq kollu, s-suq tat-turisti Pollakki qed jikber ħafna, tant li s-sena l-oħra kienu ġew pajjiżna ftit inqas minn 46,000 turist minn dan il-pajjiż. Dan ifisser li n-numru ta' turisti Pollakki li qed jiġu Malta, rduppjaw mill-2013. F'din is-sena kienu ġew pajjiżna 23,889 turist Pollakk f'pajjiżna.
Iż-żieda hija ħafna ikbar meta wieħed iqabbel iċ-ċifri illum, ma' dawk tal-2011, meta kienu ġew lejn pajjiżna 13,557, jew madwar 35,000 turist inqas mill-Polonja. Fil-Parlament il-Ministru tat-Turiżmu Edward Zammit Lewis spjega kif din is-sena sa' Awwissu kien hemm żieda ta' 14,575 turist Pollakk meta mqabbel mal-istess perjodu ta' żmien is-sena l-oħra, jew inkella 46.5%. Zammit Lewis spjega kif parti minn dan is-suċċess ġej mill-fatt li l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu (MTA) imbarkat fuq kampanji ta' reklamar fi bliet Pollakki bħal Varsavja, Poznan, Gdansk u Krakovja.
Zammit Lewis kien qed iwieġeb mistoqsija parlamentari tad-Deputat Laburista Anthony Agius Decelis.