Iż-żewġ 'Edwards' l-aktar Ministri popolari mal-Laburisti

Stħarriġ dwar il-popolarità tal-Ministri juri li Edward Zammit Lewis għandu l-appoġġ ta' 78% tal-Laburisti filwaqt li Edward Scicluna għandu l-appoġġ ta' 79%

Iż-żewġ Edwards l-aktar popolari fost il-Laburisti
Iż-żewġ Edwards l-aktar popolari fost il-Laburisti

Jidher illi l-Baġit kellu effett pożittiv, iktar milli stenna l-stess Ministru tal-Finanzi li skont stħarriġ li sar mill-gazzetta Maltatoday juri kif Edward Scicluna huwa l-aktar Ministru popolari u li għandu l-appoġġ fost votanti Laburisti. Wara baġit meqjus pożittiv, b'diversi miżuri li l-Gvern għamel u għadu jagħmel aċċenn qawwi dwar l-aspett soċjali tagħhom, fosthom iż-żidiet fil-pensjonijiet diversi u żidiet fl-għajnuna lil min jaqla' paga baxxa, Scicluna ra' l-pożizzjoni tiegħu bħala Ministru, tissaħħaħ. Din il-popolarità hija pożittiva ħafna għal Scicluna, l-ewwel u qabel kollox minħabba li Minstru tal-Finanzi ġeneralment ma jkunx popolari, imma wkoll għax Scicluna huwa pjuttost 'ġdid' fix-xena politika, bl-aħħar elezzjoni tkun l-ewwel waħda li kkontesta.

Edward Zammit Lewis, Ministru tat-Turiżmu, qasam li sejjer tajjeb ferm, ukoll jibqa' popolari ferm mal-attivisti tal-Partit Laburista, kif ilu għal xhur sħaħ. Fil-fatt 78% jagtħuh ċertifikat pożittiv, probabilment mera tal-fatt li t-turiżmu bħalissa għaddej minn perjodu b'saħħtu ħafna. Flimkien maż-żewġ 'Edwards' jibqgħu popolari ħafna wkoll il-Ministru Chris Fearne, li fil-fatt huwa l-aktar Ministru popolari meta tgħodd lill-attivisti tal-PN. Fearne jikseb rata ta' popolarità għolja ferm ta' 76.1% fost votanti tal-Partit Laburista. Il-Ministru tal-Edukazzjoni Evarist Bartolo, huwa wkoll popolari ferm, probabiment riflessjoni tas-sodisfazzjon in ġenerali f'dan il-qasam , li kompla jara diversi programmi u proġetti jinfirxu madwar il-pajjiż. 

L-inqas popolari huma l-Minstri Joe Mizzi, l-Minstru Manwel Mallia li qed iżomm profil baxx ħafna bħala Ministru u Konrad Mizzi, li ilu fil-mira ta' ħafna kritika minħabba l-każ tal-kumpanija fil-Panama. Dawn jiksbu ċertifikat  pożittiv ta'  45%, 49.5% u 55% rispettivament mingħand il-Laburisti stess.

More in Politika