"L-amministrazzjoni tal-Parlament Ewropew lbieraħ approvat it-talba tal-'Committee of Inquiry into Money Laundering, Tax Avoidance and Tax Evasion' biex jibgħat delegazzjoni Malta mill-20 sal-24 ta' Frar 2017,"
Dan ħabbru fi stqarrija ċ-Chairperson ta' Alternattiva Demokratika, il-Prof. Arnold Cassola, li sostna li "huwa tajjeb li, la ma ttieħdet l-ebda azzjoni mill-parlament jew mill-Gvern Malti biex jiġu investigati l-konnessjonijiet mal-Panama ta' politiċi Maltin u ta' persuni esposti politikament, ser ikun il-Parlament Ewropew li se jmexxi l-investigazzjoni."
Cassola saħaq li la l-Parlament u l-Gvern Malti ma' ħadu azzjoni konkreta fuq l-evazjoni u l-iskartar tat-taxxi, anke fid-dawl tal-kaz tal-Panama, issa l-inkjesta tal-Parlament Ewropew se tikxef dak li ħaddiehor qed jostor.
Iċ-Chairperson ta' Alternattiva Demokratika temm jgħid li "l-poplu Malti jistħoqqlu trasparenza sħiħa dwar l-imġieba etika, jew in-nuqqas tagħha minn naħa tar-rappreżentanti tiegħu".