'Qed iberraq bejn l-UE u t-Turkija'

"Iż-żewġ naħat m’għandhomx fiduċja f’xulxin u dan qed iwassal biex ikomplu jitbiegħdu minn xulxin fi żmien meta l-Ewropa teħtieġ lit-Turkija biex tkompli timplimenta l-ftehim li sar dwar l-immigrazzjoni.'' - Alfred Sant

L-Ewroparlamentari Malti Alfred Sant, ħareġ stqarrija li fiha kiteb li l-Ministru tal-Affarijiet Barranin Tork Omer Celik ħabbar li pajjiżu mhu se jaċċetta xejn anqas milli jkun membru sħiħ tal-UE. Dan wara li l-Parlament Ewropew ivvota b’maġġoranza kbira biex jieqfu n-negozjati mat-Turkija minħabba l-miżuri ripressivi li qed japplika dan il-pajjiż wara l-attentat kolp ta’ stat tal-15 ta’ Lulju.

Waqfa tfisser li fin-negozjati għas-sħubija tat-Turkija ma jinfetħux kapitli ġodda u ma jittiħdux inizjattivi ġodda f’dan ir-rigward. Il-vot tal-Parlament Ewropew ma jorbotx. Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea biss jista’ jiddeċiedi li jissospendi d-diskussjonijiet formali mat-Turkija u l-Kunsill s’issa għadu favur li jħalli t-toroq ta’ komunikazzjoni miftuħin.

Qabel ma ttieħed il-vot mill-Parlament Ewropew il-President Tork Recep Tayyip Erdogan qal li dan il-vot mhux importanti. Erdogan qal li t-Turkija uriet kemm-il darba li tirrispetta l-valuri Ewropej aktar minn ċerti pajjiżi tal-UE imma l-Punent mhux jagħtiha l-appoġġ u l-wegħdiet mhux jiġu rrispettati.

Il-vot tal-Parlament Ewropew urta ħafna lil President Tork tant li hedded li jħalli eluf ta’ immigranti jitilqu minn xtutu biex jidħlu fl-UE. Il-Kummissjoni fakkret lit-Turkija li ż-żewġ partijiet kellhom jirrispettaw il-wegħdiet li saru taħt l-arranġament biex tkun kontrollata l-kriżi tal-immigrazzjoni.

It-Turkija hija pajjiż Iżlamiku bi tradizzjonijiet u kultura differenti minn dawk li mdorrijin bihom fl-Ewropa. L-Ewroparlamentari Malti Alfred Sant stqarr li astjena f’dan il-vot fil-Parlament Ewropew. Iż-żewġ naħat m’għandhomx fiduċja f’xulxin u dan qed iwassal biex ikomplu jitbiegħdu minn xulxin fi żmien meta l-Ewropa teħtieġ lit-Turkija biex tkompli timplimenta l-ftehim li sar dwar l-immigrazzjoni.

More in Politika