Orban ifaħħar ix-xogħol li qed twettaq Malta għall-Presidenza Ewropea

Jasal fi tmiemu l-proċess ta' laqgħat li Muscat kellu ma' mexxejja Ewropej

Muscat mak-PM Ungeriż
Muscat mak-PM Ungeriż

Laqgħa bejn il-Prim Ministru Joseph Muscat u l-Prim Ministru Ungeriż Viktor Orban f’Budapest wasslet għal diskussjoni pożittiva dwar temi differenti. Issemmew suġġetti li jgħaqqdu lil Malta u lill-Ungerija fuq it-twemmin li hemm bżonn attitudni liberali lejhom, bħall-ekonomija u l-ħolqien tal-impjiegi.

Ġew diskussa wkoll temi li ż-żewġ pajjiżi għandhom pożizzjoni nazzjonali differenti bħall-immigrazzjoni. Il-Prim Ministru qal li hawnhekk m’aħniex qed nitkellmu b’aġenda nazzjonali iżda bħala Presidenza Ewropea. Sostna li jifhem il-pożizzjoni li jħaddan Viktor Orban, u jaf li l-Prim Ministru Ungeriż jifhem il-pożizzjoni ta’ Malta.

“Din il-laqgħa għenet biex nifhmu lil xulxin”, qal Dr Muscat, “ma nistgħux nitkellmu dwar soluzzjoni finali iżda fil-Presidenza li se tmexxi Malta rridu nġibu l-progress”. Dan il-progress jista’ jintlaħaq biss bi djalogu miftuħ.

Min-naħa tiegħu Viktor Orban fisser lill-Prim Ministru Muscat bħala ħabib tal-Ungerija u tkellem dwar il-koperazzjoni tajba ta’ bejniethom fl-istituzzjonijiet Ewropej minkejja li ż-żewġ mexxejja ġejjin minn familji politiċi differenti. Orban faħħar ix-xogħol li qed twettaq Malta biex fl-ewwel sitt xhur tas-sena d-dieħla tmexxi l-Presidenza Ewropea b’suċċess u qal li l-Ungerija lesta tkun sieħeb importanti ta’ pajjiżna biex l-Ewropa tersaq eqreb ta’ konklużjonijiet pożittivi.

L-għan tagħna huwa li matul il-Presidenza li tibda fl-1 ta’ Jannar li ġej, lilhinn minn dak li naħsbu u nemmnu aħna, nippruvaw inġibu progress fuq punti li hemm kontroversja dwarhom Joseph Muscat

Iż-żewġ naħat iddiskutew ukoll l-investiment bejn Malta u l-Ungerija, b’Orban jesprimi s-sodisfazzjon tiegħu għan-negozju tal-Maltin fl-Ungerija u b’Dr Muscat isemmi kif bit-titjiriet bejn Malta u l-Ungerija jista’ jiżdied is-suq turistiku bejn iż-żewġ pajjiżi.

Intant, fi tmiem dawn iż-żjarat fi bliet kapitali Ewropej, f’kummenti lill-mezzi tax-xandir il-Prim Ministru qal li tal-aħħar jiem ma kinux l-unika laqgħat li se jsiru u fadal aktar taħditiet li jittellgħu fil-ġimgħat u x-xhur li ġejjin. Spjega kif Malta marret għand pajjiżi li għandhom aġenda speċifika u li qed jimbuttaw f’direzzjonijiet differenti.

“L-għan tagħna huwa li matul il-Presidenza li tibda fl-1 ta’ Jannar li ġej, lilhinn minn dak li naħsbu u nemmnu aħna, nippruvaw inġibu progress fuq punti li hemm kontroversja dwarhom”, qal il-Prim Ministru. It-tkabbir ekonomiku u l-ekonomija diġitali jibqgħu bażiċi iżda mbagħad hemm kwistjonijiet bħall-immigrazzjoni li hemm min jgħid mod u min jgħid mod ieħor.

B’mod realistiku l-Presidenza Maltija ma tridx tiġġudika jew tikkundanna imma tifhem is-sitwazzjoni ma’ kulħadd u flimkien nimxu pass ‘il quddiem.

 

 

More in Politika