Il-Prim Ministru Joseph Muscat temm l-appuntamenti li kellu madwar l-Ewropa u mistenni lura Malta, b'waħda mill-ewwel impenn fuq l-aġenda ikun ir-rapport ta' inkjesta preparat mill-eks Brigadier Carmel Vassallo. Ir-rapport jinsab Kastilja fejn ġie preżentat mill-istess Brigadier Vassallo u qed jistenna lill-Prim Ministru li mbagħad mistenni jieħu d-deċiżjonijiet fir-rigward tal-konklużjonijiet.
L-istorja kollha ddur madwar telefonata li saret biex il-plejer Daniel Bogdanovic jitħalla jitlaq mill-kustodja tal-Pulizija, wara li kien akkużat b'attakk u theddid fuq martu, biex ikun jista' jilgħab logħba 'kruċjali' max-Xewkija Tigers. Mal-gazzetta ILLUM il-Ministru ċaħad illi hu jew xi ħadd mill-Ministeru tiegħu kienu għamlu telefonata biex Bogdanovic jitħalla jitlaq mill-kustodja tal-Pulizija, anke jekk għal nofs ta' nhar. Huwa sostna li lil Bogdavovic ma jafux, anke jekk wara fuq il-gazzetta Maltatoday kien żvelat illi l-istess Bogdanovic kien il-kowċ tat=tifel ta' Refalo.