Tkabbir ekonomiku d-doppju tal-medja taż-żona ewro

Żieda ta' 6% fil-pagi matul l-ewwel tliet kwarti tas-sena

L-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika wera kif, fit-tielet kwart tal-2016, il-ġid nazzjonali ta' pajjiżna kiber bi 3%. Dan huwa kważi d-doppju tar-rata ta' tkabbir li, skont il-Eurostat, kien hemm fiż-żona ewro fl-istess perjodu. Pajjiżna kellu t-tielet l-ogħla rata ta' tkabbir wara Spanja u l-Islovakkja.

Iċ-ċifri uffiċjali juru li, matul l-ewwel tliet kwarti tas-sena, iż-żieda fil-ġid nazzjonali kienet ta' madwar 3.9%. Dan jikkonferma t-tbassir ekonomiku tal-Gvern li sar fil-Budget li għadda. 

Għal darba oħra hemm żewġ fatturi wara t-tkabbir ekonomiku b'saħħtu ta' pajjiżna. L-ewwel fattur kienet iż-żieda qawwija fil-konsum privat. Filwaqt li l-Oppożizzjoni ssostni li hawn għafsa fil-pagi u l-familji ma jistgħux ilaħħqu, iċ-ċifri uffiċjali juru sitwazzjoni ferm differenti.

Il-pagi f'pajjiżna telgħu b'€177 miljun, jew b'6%, matul l-ewwel tliet kwarti tal-2016. Fl-istess perjodu fl-aħħar sena tal-amministrazzjoni preċedenti, iż-żieda kienet ta' €121 miljun. 

It-tieni fattur wara t-tkabbir ekonomiku qawwi fl-ewwel disa’ xhur tal-2016 kien l-andament pożittiv fost l-azjendi. Iċ-ċifri uffiċjali juru li l-profitti tan-negozji għolew b’€183 miljun fl-ewwel disa’ xhur tal-2016, żieda ta' 5.7% fuq l-2015. Din iż-żieda fil-profitti ġejja fost l-oħrajn minħabba tkabbir sinifikanti fl-esportazzjoni liżdiedet b’€138 miljun, wara li tikkunsidra bidliet fil-prezzijiet li seħħew matul l-2016.

Stqarrija tal-Gvern qalet li element ieħor importanti huwa li f’termini reali, meta mqabbel mal-istess perjodu fl-aħħar sena tal-amministrazzjoni preċedenti, l-investiment huwa €461 miljun, jew 51%, ogħla.

Fil-pjan ekonomiku tiegħu li kien ippublika fl-2013, il-Kap tal-Oppożizzjoni kien bassar li taħt it-tmexxija tiegħu fl-2016 pajjiżna kien ikollu tkabbir ta' 3.3%. 

Fix-xhur li ġejjin, permezz tal-miżuri mħabbra fil-Budget, il-Gvern ser ikompli jaħdem biex dan it-tkabbir ekonomiku jiġi sostnut u l-ġid jasal għand kulħadd.

More in Politika