Żewġ spetturi ta' JobsPlus qed jiġu investigati wara allegata vendikazzjoni fuq sid ta' ħanut li bil-kummenti tiegħu mbarazza lill-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil. Minkejja l-istorja li dehret illum fuq il-faċċata tal-gazzetta tal-GWU l-Orizzont, sa issa għadu mhux magħruf eżattament x'ġara waqt din l-imsemmija spezzjoni u x'kien l-eżitu tagħha. Dan is-sit għamel kuntatt kemm ma' kelliem tal-PN u anke ma' kelliem mill-Ministeru mmexxi minn Chris Cardona iżda s'issa l-eżitu tat-tali spezzjoni għadha mhux ċara. Mhux ċar x'ġara jew inkella x'passi ittieħdu fil-konfront ta'sid il-ħanut wara l-ispezzjoni.
Filwaqt li r-rapport fuq il-ġurnal tal-GWU u anke sorsi mill-Gvern sostnew li din l-ispezzjoni setgħet saret apposta u wara li n-negozjant in kwistjoni għadda kummenti favorevoli dwar in-negozju, sorsi mill-PN sostnew illi l-vera vendikazzjoni hija tal-Gvern, kontra l-ħaddiema li qed jagħmlu xogħolhom.
Intant il-Prim Ministru Joseph Muscat dalgħodu wkoll żamm lura milli jikkumenta dwar il-każ għalkemm qal li jekk din kienet saret b'intenzjoni u mhux b'kumbinazzjoni "hija xi ħaġa li m'għandhiex issir..fix-xogħol ma nimxux bil-passjoni politika, la f'dan il-każ u lanqas li kieku ġara l-kontra..immaġina kieku xi ħadd ikkritikani u l-għada spezzjonawh. Il-Bambin biss jaf x'kien jinqala."
Fir-rapport ta' dalgħodu fuq l-istess gazzetta kien żvelat illi Pierre Farrugia, Kunsillier tal-PN, huwa wieħed miż-żewġ uffiċjali li daħlu fil-ħanut tas-sid partikolari biex issir spezzjoni, meta skont ir-rapport tal-istess gazzetta dawn mhux suppost kienu fil-lokalità msemmija.
Intant dan is-sit huwa infurmat li kien sid il-ħanut stess li ressaq l-ilment għand il-Ministru Chris Cardona, li minn naħa tiegħu talab biex issir investigazzjoni.