'Il-Gvern Malti għandu jiġġieled l-evitar tat-taxxa wara l-imbarazzament tal-Panama'

Il-Viċi President Ska Keller tiddeskrivi l-każ Panama bħala 'imbarazzament', tħabbar illi se jsir rapport dwar l-evitar tat-taxxa f'Malta  u ssostni li kumpaniji kbar iħallsu t-taxxi fil-pajjiż fejn jagħmlu l-profitt 

Il-Viċi President tal-Ħodor Ewropej Ska Keller
Il-Viċi President tal-Ħodor Ewropej Ska Keller

Il-Viċi President tal-Grupp tal-Ħodor Ewropej Ska Keller iddeskriviet il-każ tal-Panama papers bħala ‘imbarazzament’ għal pajjiżna u sostniet illi jkun tajjeb illi l-Gvern Malti juża l-opportunità tal-Presidenza Maltija biex jitfa' l-evitar tat-taxxa 'l quddiem fl-aġenda. Hija sejħet dan l-evitar bħala xi ħaġa reali ħafna madwar pajjiżi Ewrpopej. Keller qalet dan waqt konferenza ilbieraħ filgħaxija fejn ħabbret ukoll li l-Grupp tal-Ħodor Ewropej, flimkien mal-Partit tal-Ħodor lokali, l-Alternattiva Demokratika se jkunu qed jippreżentaw rapport speċifikament dwar l-evitar tat-taxxa f’pajjiżna.

Meta mistoqsija mis-sit illum.com.mt kemm hija ottimista li l-Gvern preżenti jew kwalunkwe Gvern imiss struttura ta’ taxxi li qed tivvantaġġja setturi bħall-igaming u numru ta’ servizzi finanzjarji, bil-periklu li dawn il-kumpaniji jitilqu minn pajjiżna, Keller fakkret illi dak li qed jipproponu l-Ħodor huwa ta’ benefiċċju għal pajjiżna.

“Aħna qed nesiġu li t-taxxi jitħallsu fil-post fejn qed isir il-profitt, u ma nistgħux nifhmu għalfejn hemm min qed jopponi. Huwa mit-taxxi li l-Gvern isostni l-ekonomija u x-xogħol u l-pagi,” tkompli tgħid Keller, “mela huwa fl-interess tal-Gvern li jara li jinġabru dawk it-taxxi ta’ profitti li qed isiru f’pajjiżu.” Hija għamlet referenza għall-każ tal-kumpanija Apple u għall-fatt li l-Gvern Irlandiż ikkontesta miljuni f’taxxi li l-Qorti iddeċidiet li kienu dovuti lilu. “Il-Gvern Irlandiż iġġieled biex ma jieħux it-taxxi dovuti lilu, li bihom seta’ għamel ħafna affarijiet. Aħna dan ma nistgħux nifhmuh.”  

Keller saħqet li għandha tkun xi ħaġa loġika li t-taxxi jitħallsu fejn hemm il-profitti u li jieqfu sistemi fejn negozju żgħir iħallas ir-rata tat-taxxa normali u għola u kumpaniji multi-miljunarji jħallsu inqas.  

Intant fil-konferenza li saret fil-Lukanda Excelsior, iċ-Chairman tal-Alternattiva Demokratika Arnold Cassola, saħaq li Malta għandha tibda tiddistanzja ruħha minn dawn il-prattiċi ta’ evitar tat-taxxa. “Malta hija innovattuva biżżejjed li m’għandhiex bżonn dawn it-tip ta’ prattiċi. Tkellem ukoll il-Kunsillier u kandidat għall-elezzjoni f’isem l-AD, Ralph Cassar, li fakkar fil-każ tal-kumpanija Actavis li se tkun qed tnaqqas ix-xogħol. “Il-kumpanija li xtrat l-Actavis qed tagħmel profitti kbar imma xorta jridu jnaqqsu n-nies.”  

More in Politika