L-eks Ministru tal-Affarijiet Barranin tal-Italja, Paolo Gentiloni, aċċetta l-mandat presidenzjali mogħti lilu mill-President Mattarella, biex ikun il-Prim Ministru l-ġdid tal-Italja u jifforma Gvern ġdid. Dan bit-tama li joħroġ lill-Italja mill-kriżi li waqgħet fuq il-pajjiż wara r-riżenja ta' Matteo Renzi, wara 'telfa' bir-riżultat tar-referendum fil-ġimgħat li għaddew.
Fil-ġranet li ġejjin, Gentiloni se jkun qiegħed jifforma Gvern, magħmul mill-istess maġġoranza, mmexxija mill-Partit Demoktariku ċentru-xelluġi, bl-istess mod kif għamel Renzi qablu.
Infatti, l-kabinett ta' Gentiloni se jkun simili ħafna ta' dak ta' Renzi, u dan anke minħabba l-fatt li t-tnejn kellhom relazzjoni tajba ħafna bejniethom. Huwa għal din ir-raġuni, li l-oppożizzjoni magħmula mill-moviment 'Ħames Stilel' diġà qed isejħu lil Gentiloni l-'Avatar ta' Renzi'.
Ħafna mill-Partiti fl-oppożizzjoni qegħdin jitolbu għal elezzjoni bikrija, sena qabel iż-żmien meta għandu jispiċċa l-mandat fir-Rebbiegħa tal-2018. Iżda l-President tal-Italja, Sergio Mattarella, fakkarhom l-Partit Demokratiku xorta għad għandu l-maġġoranza fil-Parlament.
Għaldaqstant, jekk u meta ssir elezzjoni oħra, se tkun deċiżjoni esklussivament f'idejn il-President Mattarella.