Projects Malta ħabbret li rċeviet żewġ sottmissjonijiet għall-proġett propost fil-Mosta li għandu l-għan li jtaffi l-problema ta' nuqqas ta' parkeġġ fil-lokalità.
Intqal kif għal dan il-proġett, kien hemm żewġ joint ventures li wrew l-interess fis-sejħa għall-proposti għad-disinjar, bini u tħaddim ta’ parkeġġ taħt l-art fil-Mosta.
Il-kumpaniji huma City Square Parking JV u Express Car Parks JV.
Il-proċess li jmiss hu li s-sottomissjonijiet jgħaddu minn proċess ta’ evalwazzjoni, liema proċess iwassal għat-tħabbir tal-Preferred Bidder.
Kumitat Tekniku konġunt bejn l-Arċidjoċesi ta’ Malta u Projects Malta Ltd li twaqqaf fix-xhur li għaddew se jkun qed jiġi konsultat fuq il-proposti li daħlu.
Il-Ministru Konrad Mizzi spjega kif dan il-proċess li qiegħed jiġi addottat jassigura li l-għażla ssir bl-aktar mod trasparenti filwaqt li jassigura li tiġi magħżula l-aħjar proposta għal dan il-proġett.
Dan jiġi wara li kien hemm tħassib serju minn diversi għaqdiet u residenti fil-Mosta għall-għażla tal-post ta' dan il-parkeġġ minħabba li huma tal-fehma li x-xogħlijiet ta' tħaffir u kostruzzjoni daqstant qrib il-knisja tal-Mosta setgħu jkunu ta' dannu għall-istess struttura li hi ta' wirt kulturali nazzjonali.