'L-attakki personali fuq il-blogs huma oxxenitajiet, vjolenza psikoloġika u għajb'

Il-President issejjaħ 'immorali' li nħallu fil-faqar lil min dejjem ħadem jew ma jistax jaħdem - tindika li tappoġġja żieda fil-paga minima nazzjonali, u tappella li 'n-nies jiġu qabel il-profitt' 

F'diskors b'saħħtu ħafna nhar Jum ir-Repubblika, il-President Marie Louise Coleiro Preca reġgħet fetħet il-kanuni kontra blogs li qed jattakkaw lil persuni privati biex, fi kliemha "jippruvaw jintogħġbu ma' ċertu sezzjonijiet ta' nies'. Hi tgħid bl-aktar mod ċar li 'l-libertà tal-espressjoni ma tagħti dritt lil ħadd biex jhedded id-drittijiet tal-bniedem, inkluż rispett għall-ħajja familjali u għall-privatezza." 

Fi kliem iebes, għat-tieni darba matul din is-sena, Coleiro Preca tisħaq li bħala poplu 'm'għandniex naċċettaw dawn l-oxxenitajiet. Dan huwa għajb għal min qed jagħmlu, għalhekk nerġa' nappella lill-partiti politiċi, lil entitajiet pubbliċi kollha u l-poplu tar-rieda tajba biex jiddiżassoċjaw ruħhom pubblikament minn dawn l-individwi."

Intant il-President Coleiro Preca, indikat għall-ewwel darba, minn mindu bdiet il-kampanja Paga Minima Diċenti li hi tappoġġja żieda fl-aktar paga baxxa li jieħdu l-ħaddiema. Spjegat kif tittama li "d-djalogu u d-diskussjoni pubblika dwar il-paga minima jwasslu għal azzjoni konkreta f’qasir żmien, għax il-messaġġ ilu miktub fuq il-ħajt, paga xierqa għal min jaħdem għaliha," sostniet il-President fi kliem simili ħafna għal dawk li qed jikkampanjaw favur żieda fil-paga minima. 

Filwaqt li faħħret il-progress ekonomiku li sar f’pajjiżna f’dawn l-aħħar snin, hija ddeskriviet bħala ‘immorali’ li nies jitħallew fil-faqar u jsiru tallaba, meta għandhom xogħol; jew inkella f’sitwazzjonijiet fejn ġenwinament ma jistgħux jaħdmu. "Repubblika ħanina ma taċċettax it-teżi li l-ekonomija b’saħħitha u attraenti għall-investiment lokali u barrani għandha tkun ibbażata fuq il-poplu bieżel imħallas ftit.’

Repubblika ħanina ma taċċettax it-teżi ekonomika għandha tkun ibbażata fuq il-poplu bieżel imħallas ftit Il-President Marie Louise Coleiro Preca

Anke dwar l-immigranti li se jiġu ddeportati wara li l-Protezzjoni Umanitarja Temporanja tagħhom skadiet, il-President Marie Louise Coleiro Preca sostniet hekk: ‘Nemmen li moralment, m’għandniex, lil dawk li qed jgħinu fil-proseprita’ ta’ pajjiżna u li ilhom snin parti mis-soċjeta’ tagħna, flok napprezzawhom, nikkastigawhom billi nibgħtuhom lura."

Hija qalet li jekk f'dan il-pajjiż se ninżlu fit-toroq "se nimxu favur ir-rikonċiljazzjoni, it-tama, is-solidarjetà u l-kollettività u jekk se nipprotestaw se nagħmlu dan kontra l-xenofobija, l-esklużjoni soċjali u l-isfruttament tal-ħaddiem."

Coleiro Preca tkellmet ukoll dwar l-iżvilupp u widdbet kontra filosofija fejn il-profitt jiġi qabel in-nies. 'It-tnaqqir tal-ispazji miftuħa faqqrilhom ħajjithom, minkejja li ħafna minnhom jidhru li ma jonqoshom xejn...jekk se nibqgħu sejrin hekk il-ġenerazzjonijiet li ġejjin żgur li ma jfakkruniex b'ġieħ jekk se nkomplu ngawdu l-mument b'ebda għarfien tad-drittijiet tal-ġenerazzjonijiet lio għad iridu jiġu."

More in Politika