filmat | ‘Hemm qbil li jsir ftehim maċ-ċentru tal-Mediterran bħal dak mat-Turkija’

L-ewwel fażi tas-summit iffoka fuq l-immigrazzjoni...fit-tieni fażi, is-suġġetti diskussi jkunu s-sitwazzjoni ta’ Aleppo u Brexit

Hekk kif intemmet l-ewwel fażi tat-taħdidiet fis-summit għall-mexxejja Ewropej, il-Prim Ministru Malti Joseph Muscat qal li d-diskussjonijiet iffukaw l-aktar fuq l-immigrazzjoni, dwar l-Ukrajina u r-Russja u r-referendum Olandiż. "Dwar l-Ukrajina, jidher li ntlaħaq ftehim,” iżda l-Prim Ministru Malti ma qal xejn iżjed dwar l-istess ftehim.

Dwar l-immigrazzjoni qal li fl-aħħar qed jara bidla “u l-punt tagħna issa qed jidher.” Muscat kompla jgħid li l-Kunsill iddiskuta wkoll l-problema tal-immigrazzjoni fit-Turkija iżda qed jieħu pożizzjoni qawwija wkoll fl-immigrazzjoni fiċ-ċentru tal-Mediterran. “L-Ewropa trid tasal biex bħall-ftehim li hemm mat-Turkija, jsir ukoll maċ-ċentru tal-Mediterran u l-pajjiżi tat-transit bħalma hi l-Greċja. Jidher li hemm qbil dwar dan għax kull pajjiż jidher li jaqbel ma’ dan il-fatt. U dan is-suġġett jidher li ħadilna l-ħin kollu. L-idea li jkun hemm l-istess ftehim maċ-ċentru tal-Mediterran bħal dak li sar mat-Turkija saret ‘mainstream’. Issa jirnexxix jew l,e naraw għax hemm ħafna u ħafna żmien ta’ negozjati u jrid ikun hemm ir-rieda mill-pajjiżi Ewropej. Sal-lum il-ġurnata ma kienx hemm ftehim li dik kellha tkun it-triq li wieħed irid jimxi fuqha. Iżda dik il-fażi ġiet superata llum,” żied jgħid Muscat.

Għall-mistoqsija jekk hux se jkunu qed isiru xi sanzjonijiet fuq ir-Russja, Muscat qal li l-Unjoni Ewropea trid tagħmel kuntatt mar-Russja dwar il-każ tal-Ukrajina ħalli jkun rispettat il-ftehim ta’ Minsk. “Imma r-realtajiet ġeopolitiċi qegħdin hemm u l-Unjoni Ewropea kienet prudenti għal dak li għamlet s’issa (meta kien qed jirreferi għar-rollover). Dwar is-Sirja ma nistax nispekula xejn għax ninsabu f’nofs is-summit u dwar is-Sirja se niddiskutu issa.”  

More in Politika