Aġġornata | Ir-riskji fil-power station huma aċċettabbli u m'hemmx periklu għar-residenti…

'M'hemmx inkwiet għar-residenti ta’ Marsaxlokk f’każ ta’ xi emerġenza fil-power station tal-gass' - Aġent Direttur tas-CPD

'Anke jekk jinxtered xi gass b’inċident fil-power station, is-sħaba qatt mhu se tilħaq iż-żona residenzjali.'
'Anke jekk jinxtered xi gass b’inċident fil-power station, is-sħaba qatt mhu se tilħaq iż-żona residenzjali.'

Waqt is-sessjoni ta’ mistoqsijiet u tweġibiet, bħala parti mill-laqgħa publika tal-bord tal-ERA, Emanuel Psaila, l-aġent direttur tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili, sostna li mhemmx inkwiet għar-residenti ta’ Marsaxlokk f’każ ta’ xi emerġenza fil-power station tal-gass, hekk kif anke jekk jinxtered xi gass b’inċident, is-sħaba qatt mhu se tilħaq iż-żona residenzjali.

Psaila sostna li d-dipartiment qabbad esperti jagħmlu stħarriġ dwar dan, u huma ddeterminaw li ebda materjal tossiku li jista’ jirriżulta minn incident fil-power station jew fit-tanker ma jista’ jilħaq il-villaġġ ta’ Marsaxlokk.

Transport Malta żiedu jserrħu moħħ in-nies li nhar il-Ħadd li għadda rċevew iċ-ċertifikati u d-dokumentazzjoni kollha tal-moll mingħand l-Electrogas u dawn kollha juru sigurtà valida.

Intant Electrogas stess, aċċertaw li l-kumpanija se tkun qed tuża dejjem sistema ta’ tbassir tat-temp b’ħamest ijiem bil-quddiem, għall-kundizzjonijiet fil-bajja ta’ Marsaxlokk. Permezz ta’ din is-sistema, l-Inġiniera tal-Electrogas se jkollhom l-opportunità jiddiskutu mal-kaptan tat-tanker u mal-Awtorità tal-port 72 siegħa qabel eventwalità ta’ temp perikoluż, biex sa 24 siegħa qabel dan iseħħ, ikunu ttieħdu l-azzjonijiet neċessarji biex jiżguraw is-sigurtà fil-bajja, inkluż, jekk ikun hemm bżonn, li jiċċaqalqu t-tanker u l-FSU.

Id-Deputat Nazzjonalista Ryan Callus, ikkumenta dwar ir-raġuni għaliex il-pjan ta’ Emerġenza ma ġiex ippruvat, hekk kif saħaq li dan sabiex ir-residenti ta’ Marsaxlokk u Birżebbuġa ma jallarmawx ruħhom dwar kemm huma kbar ir-riskji tal-impjant.

Callus żied jgħid li l-aġent Direttur tas-CPD, ħa wisq responsabbiltà fuq spallejh meta ddeċieda biex ma jippublikax id-dettalji tal-pjan ta’ emerġenza.

“Hija ħaġa tal-mistħija li l-uniku parir li ngħataw ir-residenti s’issa kien li f’każ t’emerġenza, jitfu’ t-televiżjonijiet u l-mobiles tagħhom,” qal Callus li esklama jekk is-CPD hux qed jgħidu dan bis-serjetà.

Psaila qal li r-rakkomandazzjonijiet u l-pjanijiet tas-CPD tħejjew meta John Rizzo kien għadu Direttur. Psaila insista wkoll li r-riżenja ta’ Rizzo ma kellha xejn x’taqsam ma’ diżappunt dwar il-pjanijiet, kif ġie rrapportat fuq xi mezzi tal-media partikolari, iżda li Rizzo kien ilu jippjana li jirriżenja minn xhur qabel.

Intant aktar kmieni dalgħodu...

Espert mill-Awtorità dwar il-Kontroll tal-Inċidenti u l-Perikli Maġġuri (COMAH) irrakkomanda li jrid isir pjan ta’ emerġenza għall-power station tal-gass f’Dellimara sal-2018, filwaqt li klassifika li r-riskji tal-power station jinsabu fil-limiti aċċettabbli.

Dan ħareġ s’issa, waqt il-laqgħa pubblika li qegħda sseħħ bħalissa mill-Awtorità dwar l-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) dwar jekk għandux jingħata l-permess IPCC lill-power station tal-gass f'Dellimara.

Aktar kmieni dalgħodu, iċ-chairman tal-ERA, Victor Axiak għażel li ma jattendix għall-laqgħa minħabba dak li huwa sejjaħ kunflitt ta’ interess minħabba li hu kien imqabbad mill-Electrogas bħala konsulent indipendenti biex jagħmillhom rapport dwar l-impatt ambjentali tal-proġett. Il-viċi chairman, Carmen Buttiġieg ħadet postu.

Il-konsulent tal-COMAH qal waqt il-laqgħa li skont id-direttiva ta’ Seveso, il-leġiżlazzjoni tal-UE li titratta perikli maġġuri, l-awtoritajiet lokali għandhom sal 2018 sabiex ilestu pjan għall-emergenza esterna.

Fid-dawl tal-bżonnijiet meħtieġa taħt id-direttiva, il-konsulent spjega li r-riskji li ġew identifikati fil-power station tal-gass f’Dellimara, kollha jaqgħu taħt livell aċċettabbli.

Intant kelliem għad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili (CPD) spjega li l-aktar ‘periklu reali’ li jista’ jkun hemm fl-impjant ta’ Dellimara jista’ jiġi biss minn attakk intenzjonat minn xi ħadd li jaħdem fil-power station stess, u għaldaqstant il-pjanijiet għall-emerġenza li jridu jiġu mħejjija jridu jkunu kemm interni, kif ukoll esterni.

Ġie mfakkar ukoll li minħabba li l-esperjenza li għandu s-CPD fuq l-LNG hija waħda teoretika, id-dipartiment għamel sejħa internazzjonali għall-servizzi ta’ konsultazzjoni, li għalihom ġiet magħżula l-kumpanija Flack, li se toffri konsultazzjoni, kif ukoll taħriġ lill-Uffiċjali Maltin.

Il-kelliem għas-CPD serraħ moħħ il-pubbliku li d-dipartiment diġà xtara l-apparat meħtieġ kollhu għas-sigurtà tal-power station, li jinkludu dgħajjes biex tintlaħaq il-power starion minn fuq il-baħar kif ukoll apparat ieħor użat għall-immanigjar ta’ emergenzi relatati mal-LNG, li l-pubbliku ġie mgħarraf ukoll li bħala sustanza, huwa inqas perikoluż u jaqbad inqas malajr mill-gass LPG li jintuża fid-djar.

Aktar tard illum, se ssir sessjoni ta’ mistoqsijiet u tweġibiet, fejn il-membri tal-bord se jwieġbu l-mistoqsijiet imressqa lilhom mill-pubbliku. Wara din is-sessjoni mistennija li tittieħed id-deċiżjoni dwar il-permess.

More in Politika