L-impjiegi full time żdiedu b'20 impjieg kuljum
Żieda ta' 1,400 xogħol full time f'Għawdex biss
More in Politika
Żieda ta' 1,400 xogħol full time f'Għawdex biss
Sa Ġunju tal-2016, in-numru ta’ nies jaħdmu full-time tela’ għal 179,760. Dan qalu fi stqarrija l-Gvern, li qal ukoll li dan ifisser li, "mill-bidu ta’ din l-amministrazzjoni, kien hemm żieda ta’ 24,348 impjieg full-time. B’kuntrast, matul il-ħames snin tal-amministrazzjoni preċedenti, it-tkabbir kien ta’ 11,250 impjieg full-time, jiġifieri, fi ftit aktar minn tliet snin l-impjiegi żdiedu darbtejn iż-żieda f’ħames snin sħaħ."
Fl-ewwel snin ta’ din l-amministrazzjoni, kuljum, żdiedu 20 impjieg full-time. Din hija tliet darbiet ir-rata ta’ ħolqien ta’ xogħol osservata matul l-amministrazzjoni preċedenti.
Il-Gvern kompla jgħid li taħt din l-amministrazzjoni kienu s-servizzi privati li wrew l-ikbar tkabbir. Tispikka żieda ta’ erbat elef u sitt mitt impjieg fis-servizzi amministrattivi, elfejn u seba’ mija fis-servizzi tekniċi u professjonali, elf u seba’ mija fis-servizzi finanzjarji, u żieda ta’ elf u erba’ mitt full-timer fl-informazzjoni u l-kommunikazzjoni. Kien hemm ukoll tkabbir ta’ elf u seba’ mitt impjieg fis-settur tal-bejgħ, elf u tmien mitt impjieg fil-lukandi u ristoranti, u tkabbir ta’ tliet elef u mitt impjieg mas-settur tal-gaming u servizzi oħra.
L-impjiegi fis-settur privat żdiedu b’ħames mija fil-manifattura u b’disa’ mija fil-kostruzzjoni, żewġ setturi li tul l-amministrazzjoni preċedenti fihom intilfu eluf ta’ postijiet tax-xogħol. Kien hemm ukoll tkabbir qawwi fis-settur privat tas-saħħa u tal-edukazzjoni, b’żieda ta’ elfejn impjieg full-time.
Mill-bidu tal-amministrazzjoni kien hemm żieda ta’ 21,513 persuna full-timemas-settur privat, li jfisser li disgħa minn kull għaxar impjiegi ġodda nħolqu fis-settur privat. Dan imur għal kollox kontra l-istqarrijiet tal-Oppożizzjoni li t-titjib fil-qasam tal-impjiegi ġej mis-settur pubbliku. L-impjiegi fis-settur pubbliku llum huma 25% tal-impjiegi kollha full-time, meta fi tmiem l-amministrazzjoni preċedenti dawn kienu 27%—għalhekk naqset, u mhux żdiedet, id-dipendenza fuq is-settur pubbliku.
Fl-istess ħin il-Gvern ma naqasx li jżid ir-riżorsi f’setturi importanti tas-servizz pubbliku. Fost l-oħrajn, imqabbel mal-bidu tal-amministrazzjoni, illum hemm elf u erba’ mitt persuna aktar taħdem fis-saħħa u fl-edukazzjoni pubblika li jagħtu servizzi aħjar lill-familji tagħna.
Fost l-aktar li gawdiet mit-titjib fis-suq tax-xogħol kien hemm il-gżira Għawdxija fejn kien hemm żieda ta’ aktar minn elf u erba’ mitt impjieg full-time. Dan it-tkabbir, fi ftit aktar minn tliet snin, huwa diġà d-doppju taż-żieda fl-impjiegi li kien hemm f’din il-gżira matul il-ħames snin tal-amministrazzjoni preċedenti.