Għall-bidu tal-2017, il-Prim Ministru ta' Malta, Joseph Muscat, ta l-awguri u l-messaġġ tiegħu għall-ewwel tas-sena, fejn huwa sostna li qed nibdew is-sena 2017 aħjar milli bdejna l-2016 għax pajjiżna huwa iktar b’saħħtu u miexi fid-direzzjoni t-tajba.
"Malta hija waħda mill-iktar pajjiżi stabbli fl-Ewropa, b’ekonomija fost l-aqwa fl-Ewropa, bil-Maltin li huma l-iktar poplu Ewropew pożittiv dwar il-futur tagħhom, " qal il-Prim Ministru.
Huwa fakkar li mill-1 ta’ Jannar, Malta se tieħdu għall-ewwel darba fl-istorja tagħna t-tmexxija tal-Presidenza tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u li minħabba dan, bħala pajjiż għandna biex inkunu kburin.
"Mhux se nkunu pajjiż ikbar. Se nibqgħu l-iżgħar pajjiż Ewropew," qal Muscat, li qal li se jibqgħu ċerti realtajiet u problemi li niffaċċjaw ta’ kuljum. Se nibqgħu sensittivi għall-bżonnijiet tal-familji u tan-negozji Maltin u Għawdxin, iżda filwaqt li nżommu saqajna mal-art u nifhmu li għandna l-limitazzjonijiet tagħna, irridu nqumu għall-okkażjoni u nagħmlu minn din il-Presidenza Ewropea suċċess. Suċċess għall-Ewropa li għandha sfidi kbar quddiemha. Iżda wkoll suċċess għal pajjiżna li se juri li d-daqs ta’ pajjiż mhuwiex ta’ xkiel, anzi jista’ jkun ta' vantaġġ.
Fil-messaġġ tiegħu, Muscat qal li l-Gvern jifhem li għad hemm nies li minkejja t-tkabbir ekonomiku, għadhom iħossuhom qed jaqgħu lura u li minkejja li qatt ma kellna xogħol daqs kemm għandna llum il-ġurnata, għad hemm min jistenna kundizzjonijiet aħjar. Muscat semma kif se jkomplu jiġu ndirizzati dawn ir-realtajiet bil-fatti.
Muscat saħaq li din is-sena ġdida, se tkompli tibni fuq it-tliet snin li għaddew.
Il-messaġġ tal-Prim Ministru spiċċa b'appell biex din is-sena, "ningħaqdu aktar minn qatt qabel. Inħarsu dak li jgħaqqadna u nwarrbu dak li jifridna. Ma nħallu lil ħadd idaħħal feles bejnietna bħala poplu wieħed magħqud u kburi b’dak li qed nagħmlu."
"Ejja lkoll bħala aħwa Maltin u Għawdxin nuru li kbirna bħala pajjiż modern Ewropew, b’valuri sodi. L-2017 trid tkun is-sena li tkompli tagħmilna kburin bħala ġens. Poplu umli, sod u bieżel" temm jgħid Joseph Muscat.